Lokali Qorti

Eritrean mixli bi traffikar ta’ kokaina u kannabis jinżamm arrestat

Raġel ta’ 29 sena mill-Eritrea ġie akkużat quddiem il-Maġistrat Victor Axiak bi traffikar ta’ kokaina u kannabis. Awet Estifanos Weldetinsae kien arrestat wara li nstab fil-pussess ta’ sustanza suspettata ħaxixa tal-kannabis u droga kokaina.

Minn aktar sħarriġ tal-Pulizija, allegatament irriżulta li l-ammont ta’ droga li nstabet fuq, kienet f’ċirksotanzi li juru li ma kienitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Kienu l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga li arrestaw lir-raġel fis-siegħat bikrin ta’ Jum il-Vitorja, waqt ronda f’żona ta’ divertiment fil-lokalità ta’ San Ġiljan.

Ir-raġel mill-ewwel ittieħed fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar stħarriġ u t-Tlieta, tressaq il-Qorti mixli wkoll li kellu l-imsemmija droga f’żona ta’ 100 metru fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ.

Huwa ġie mixli wkoll li sar reċidiv b’diversi sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati. L-Avukat tiegħu Yanika Bugeja m’għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat fuq diversi raġunijiet fosthom li m’għandux residenza fissa. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettrur Kevin Pulis.