Sport Sport Ieħor

FILMAT: Jitkellmu uħud mill-protagonisti fis-suċċess ta’ Bormla fir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja

Il-klabb ta’ Bormla kompla jiddomina r-Regatta hekk kif il-Ħadd mhux biss assiguraw it-tielet Shield konsekuttiva ta’ Jum il-Vitorja u l-20 waħda fl-istorja, iżda reġgħu rebħu l-ħames tlielaq ta’ Kategorija Open għat-tieni sena konsekuttiva. Il-Bormliżi kienu l-favoriti biex jerġgħu jirbħu u żammew mal-aspettattiva hekk kif anki rebħu Kategorija B.

Il-President tal-klabb Evan Buttigieg qal li bħala klabb stennew dan ir-riżultat u kienet tkun sorpriża għalihom kieku fallew xi ħaġa. Hu żied li l-akbar sodisfazzjon għalih hu li kienu tilfu palju f’Marzu u reġgħu kisbuh.

Clive Casha li ħa sehem f’Tal-Midalji, Tal-Pass b’żewġ imqadef u Tal-Pass b’erba’ mqaddef, qal li wara dan ir-riżultat ħafna jaħsbu li kollox ġie perfett, iżda saħaq li dan seħħ wara ħafna sagrifiċċju u taħriġ. Casha kompla li wara ġimgħa mistrieħ, jerġgħu jibdew jippreparaw għar-Regatta ta’ Marzu b’taħriġ fuq l-art u madwar tlieta jew erba’ xhur qabel, jerġgħu jinżlu jitħarrġu fil-baħar.

Dennis Thornton li hu meqjus bħala veteran f’dan l-isport, qal li fl-età ta’ 41 sena tibda ssir diffiċli aktar biex jikkompeti, iżda żied li biex jibqa’ għaddej irid iżid it-taħriġ tiegħu u l-fatt li jkompli jirbaħ iżżommlu l-motivazzjoni li jkompli. Thornton kompla jkabbar ir-rekord fit-tellieqa tal-Pass b’żewġ imqadef hekk kif issa rebaħha għal rekord 16-il darba konsekuttiva. Hu ħa sehem ukoll fit-tellieqa tal-Pass b’erba’ mqadef.

Jurgen Camilleri wkoll mhux stramb għar-rebħ hekk kif din kienet is-seba’ darba konsekuttiva li rebaħ ix-Shield ta’ Jum il-Vitorja, l-ewwel mal-Marsa fl-aħħar tliet snin ma’ Bormla. Hu qal li s-suċċess wasal għaliex ħadmu flimkien bħala tim il-kumitat u l-qaddiefa. Camilleri ħa sehem fit-tlielaq Tal-Midalji u Tal-Pass b’erba’ mqadef.