Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale qalet li l-binjiet ‘La Paloma’ u l-appartamenti ‘Blue Angel’ għandhom jibqgħu miftuħin bil-kundizzjoni li għandu jiġi assikurat li f’qasir żmien isiru xogħolijiet biex is-saħħa pubblika ma’ tiġix ipperikolata.
Il-Qorti ħadet din id-deċiżjoni hekk kif laqgħet il-mandat ta’ inibizzjoni li kien ressaq Christopher Drago, f’isem is-sidien tal-binjiet imsemmija, propjetà ta’ Bodishtianu Evgueni Ivanoch, ta’ nazzjonalità Russa. Il-Qorti ċanfret ukoll lid-Dipartiment tas-Saħħa li kienu ilu ġimgħa jaf bil-kundizzjoni tal-binjiet, u ma ttieħdet l-ebda azzjoni.
Dan wara li uffiċjali minn diversi awtoritajiet, inkluż uffiċjali tal-Pulizija u mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, fis-26 t’Awwissu li għadda kienu wettqu rejd u għalqu dawn il-binjiet, li kienu mimlija b’immigranti u li kienu spiċċaw barra.

Madankollu sal-għada stess, ħafna minn dawn l-immigranti kienu diġa rritornaw lura jgħixu fil-binjiet, u kien biss wieħed minn iktar minn 150 persuna, li tressaq il-Qorti. Dan mhux għax kien qed jgħix illegalment f’Malta, iżda minħabba akkużi relatati mad-droga.
Drago mmedjatament kien ressaq mandat ta’ inibizzjoni kotnra d-deċiżjoni tal-Qorti li jsir is-sekwestru. Dan il-mandat kien intlaqa’ b’mod proviżorju u issa ġie deċiż mis-sentenza mogħtija.
Fil-mandat li sar kontra d-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għas-Servizzi tas-Saħħa l-Qorti qalet li l-binjiet li jinsabu fi Triq il-Ġifen, San Pawl il-Baħar kienu bdew jiġu nvestigati wara li fid-19 ta’ Awwissu li għadda, s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika rċieva lment minn erba’ persuni dwar kundizzjonijiet mhux iġeniċi u nuqqas ta’ faċilitajiet sanitarji f’dik li kienet il-‘hostel’ Paloma.
Il-Qorti qalet li mhux ikkontestat il-fatt li minnufih Christopher Drago, wara li sar ir-rejd, beda xogħolijiet ta’ tindif u li wħud mill-persunui li ttieħdu mill-Pulizija bdew jirritornaw lura fil-blokk ta’ appartamenti.

Il-Qorti qalet li l-uffiċjali tas-Supretendent tas-Saħħa kienui konxji tal-ilment li kien wasal sa mid-19 ta’ Awwissu u kellhom biżżejjed żmien biex jikkordinaw l-azzjoni taghħom mal-Pulizija tad-Distrett, mal-Pulizija tal-Immigrazzjoni u mar-Rapid Intervenmtion Unit sabiex jagħmlu spezzjoni fis-26 ta’ Awwissu, fis-sitta ta’ filgħodu.
Il-Qorti qalet ukoll li tifhem li s-saħħa pubblika hija ta’ mportanza kbira u azzjoni mmedjata tista’ ssalva mijiet ta’ nies, madankollu ma tistax ma tosservax li l-uffiċjali responsabbli ma rawx il-ħtieġa tal-urġenza tal-ordni tal-għeluq tas-saħħa pubblika tal-komunità dak inhar stess li saru jafu biha, jiġifieri fid-19 ta’ Awwissu.
Madankollu flok mexxew mill-ewwel ħarġu l-ordni biss ġimgħa wara, u dan mingħajr mas-sidien tal-binjiet ma ngħataw avviż raġonevoli skont il-liġi, sabiex jiġu ndirizzati d-difetti li seta’ kien hemm.
It-Tnejn li għadda quddiem il-Qorti nstema’ dan il-każ, bl-Avukat Edward Gatt, li deher għal Drago jiddeskrivi r-rejd li sar bħala ‘show’ waqt li akkuża lill-Pulizija li kissru kulma sabu quddiemhom u werwru lin-nies għalxejn.
Akkuża lill-awtoritajiet ukoll li r-rejd ma kien xejn ħlief eżerċizzjoni biex l-awtoritajiet jintogħġbu mal-pubbliku u fakkar li fl-istess jum iktar immigranti kienu qed jiddaħħlu f’Malta.
Saħansitra ddeskriva x-xeni ta’ dakinhar bħala Fantozzata, hekk kif innota li l-immigranti arrestati spiċċaw inħelsu kollha u rritornaw fl-istess binja. Innota wkoll li n-nuqqasijiet li kien hemm ġew indirizzati mis-sidien immedjatament, inkluż xogħol fuq il-binja u tindif.
Qal li fid-dawl ta’ dan, għalkemm fadal xi affarijiet x’jitranġaw, m’hemmx sitwazzjoni estrema li l-binja tingħalaq. Jekk iseħħ dan, qal li se tinħoloq sitwazzjoni agħar għax għexieren ta’ persuni m’għandhomx fejn imorru joqgħodu, argumenti li l-Qorti aċċettat.
//= $special ?>