Festi Lokali

Il-PN huwa d-dar ta’ dawk favur il-ġid komuni

Attività għat-tesserati li twieldu fl-1964 f'għeluq il-55 Anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza

It-tesserati huma l-pedament tal-Partit Nazzjonalista u huma parti essenzjali mir-riforma li l-Partit qed iwettaq sabiex jaġġorna l-politika tiegħu u l-mod kif jaħdem biex jindirizza l-aspirazzjonijiet tan-nies u l-ħtiġijiet li għandu l-pajjiż. Il- Partit Nazzjonalista hu għodda politika għall-aħjar ġejjieni għall-poplu Malti u l-unika alternattiva għal Gvern li mhux iqassam il-ġid b’mod ġust bejn kulħadd. Għalhekk dawk kollha ta’ rieda tajba għandhom jingħaqdu magħna biex ikomplu jsaħħu l-kawża ta’ dan il-Partit. Qal dan il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Parit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività għat-tesserati li għalqu 55 sena din is-sena bħala parti mill-attivitajiet li qed jorganizza l- Partit Nazzjonalista biex ifakkar il-55 Anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta.

Adrian Delia saħaq li biex il-Partit Nazzjonalista jkun rebbieħ u jkollu politika rebbieħa u li tilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies, il-politika tal- Partit Nazzjonalista trid tkun mibnija minn isfel għal fuq, inkluż minn fost it-tesserati. Adrian Delia qal li minn ftit mijiet 55 sena ilu, illum il- Partit Nazzjonalista għandu 24,000 tesserat, b’żieda ta’ 1,700 tesserat ġdid fl-aħħar sena, l-ogħla ammont ta’ tesserati fi 13-il sena.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li apparti l-pedamenti tal-Partit Nazzjonalista, it-tesserati huma messaġġiera li jwasslu l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista man-nies u dawk li jiddefendu l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista mill-ispin u l-qerq tal-Gvern Laburista. “Ma għandix il-flus li jonfoq il-Gvern fil-marketing imma insibu lilkom biex twasslu l-messaġġ tagħna. Għalkemm m’għandix ir-riżorsi tal-Labour u t-triq hi għat-tela il-poplu dejjem qed jintebaħ aktar li l-Gvern Laburista hu Gvern tal-ftit li ma jqassamx il-ġid b’mod ġust bejn kulħadd, u li qed joħloq ekonomija għall-ftit.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li ħafna mit-tesserati jagħmlu xogħol volontarju fil- Partit Nazzjonalista b’impenn u mingħajr ma jistennew xejn lura. “Ix-xewqa tiegħi hija li tagħmlu ħilitkom biex magħkom taraw li jkunu nvoluti aktar nies f’din il-ħidma billi jissieħbu fil-Partit Nazzjonalista bħala tesserati biex il-messaġġ tagħna b’rsiq pajjiżna u l-poplu Malti u Għawdxi jkompli jasal, jasal aktar u b’mod aktar effettiv. Nappella lin-nies, intom li tridu arja nadifa, intom li tridu twaqqfu l-qerda tal-ambjent, intom li tridu li niġġieldu l-Gvern korrott, intom li tridu li ssir ġustizzja, intom li tridu li l-ġid jitqassam bejn kulħadd sabiex tissieħbu fil-PN” żied jgħid Adrian Delia.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li n-nuqas ta’ pjanar tal-Gvern qed iwassal għal żieda sostanzjali fil-popolazzjoni li qed tħalli impatt fuq bosta oqsma għad-detriment tal-Maltin inkluż fuq saħħithom hekk kif il-poplu Malti hu fost l-aktar li hu espost għal arja imniġġsa. Żied li r-road map tal-Gvern sparixxiet, u wara sitt snin skoprejna li r-road map kienet it-twessigħ tat-toroq u l-qlugħ tas-siġar, miżuri li mhux isolvu b’mod konkret u fit-tul il-problema tat-traffiku li qiegħda dejjem tikber. Delia żied li n-nuqqas ta’ pjanar fit-tul tal-Gvern qed ipoġġi piż kbir fuq il-familji u l-ħaddiema hekk if il-ħajja qiegħda dejjem togħla. Il-Gvern mhux talli ma kienx qed joħloq impjiegi b’pagi tajbin, talli kien qed jipperikola l-impjiegi fis-settur finanzjajru li welled il- Partit Nazzjonalista, minħabba l-mod kif kien qed itappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qiegħda tkun il-vuċi tan-nies biex tieqaf lill-Gvern li jrid jirrombla minn fuq kulħadd. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed ifassal pjan fit-tul li jagħti ġejjieni aħjar, l-aqwa ġejjieni għal pajjiżna u għal uliedna.