Sport Sport Ieħor

Il-President tal-Għaqda Regatta Nazzjonali jiċċara għaliex l-uffiċjali kontra d-doping ma kinux preżenti

(Ritratt: Martin Agius)

Fir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja tal-Ħadd li għadda ma kienx hemm preżenti uffiċjali ta’ kontra d-doping biex jagħmlu xi testijiet. Dan il-fatt qajjem xi dubji minn xi nies midħla tar-regatta fejn bdew jistaqsu għaliex l-uffiċjali ma kinux hemm bħal dak li jiġri normalment.

F’kuntatt li dan is-sit għamel mal-President tal-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor, Stephen Paris iċċara l-affarijiet biex kulħadd ikun jaf x’ġara. “Il-Ħadd qabel bdejna meta konna d-dwana, bdejna nistaqsu lilna nfusna jekk hux ġejjin. Il-ħin beda jsir u ma tfaċċa ħadd. Jien kont sorpriż għax lili ħadd ma kien avżani ħadd. Konna għamilnilhom it-tags u lestejna l-post minn fejn se jaħdmu.”

Paris żied li ċempel lil wieħed mill-uffiċjali biex jiċċekkja l-preżenza tagħhom u ntqal lilu li ma kinux ġejjin. Il-President kompla li filgħaxija reġgħu tkellmu fejn ġie spjegat lil Paris li l-uffiċjali jistgħux ma jkunux preżenti mingħajr avviż. Għalkemm fl-aħħar edizzjonijiet dejjem kienu preżenti, din mhix l-ewwel darba li l-uffiċjali kontra d-doping ma kinux preżenti.