Illum it-Tlieta 10 ta’ Settembru jaħbat il-Jum Dinji ddedikat għall-għarfien dwar is-suwiċidju.
Sfortunatament, is-suwiċidju qed jiżdied fid-dinja kollha inkluż f’Malta tant li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed issejjaħlu bħala “traġedja globali”.
Kull 40 sekonda persuna fid-dinja tneħħi ruħha b’idejha. Madwar sena oħra din ir-rata ta’ suwiċidju se tirdoppja. Dan ifisser li kull 20 sekonda persuna se tibda tneħħi ruħha b’idejha.
Kif stqarr illum il-PN, fi stqarrija biex ifakkar dan il-jum, għal kull suwiċidju li jsir ikun hemm 20 każ ta’ attentat ta’ suwiċidju li ma jirnexxux (attempted suicides). Dan juri kemm hi kbira it-traġedja tas-suwiċidju. Id-dipressjoni mhux ikkurata tibqa’ l-kawża ewlenija tas-suwiċidju.
Il-kelliem tal-PN Mario Galea stqarr illi kull persuna tista’ tgħin biex tevita suwiċidju. Għalhekk jeħtieġ li nibdew nitkellmu ċar fuq is-suwiċidju u nagħtu informazzjoni lin-nies kif jistgħu jevitaw suwiċidju. Dan jista’ jsir anki bi spotsfuq it-televiżjoni u is-social media.
Il-PN tenna li l-Gvern għandu minnufih jerġa’ jwaqqaf il-Mental Health Crisis Intervention Team li kien jaħdem fost oħrajn ma’ każijiet ta’attentati ta’ suwiċidju. Dan it-team li kien qed jaħdem b’suċċess minn biswiet l-emerġenza tal-isptar Mater Dei ġie żarmat hekk kif ġie elett il-Gvern Laburista. L-Unjoni Ewropea ilha tappella biex kull pajjiż membru jkollu strateġija nazzjonali kontra is-suwiċidju. Dan il-Mental Health Crisis Intervention Team kien jagħti support ukoll lil familjari ta’ persuni li jkunu ikommetew suwiċidju. l-Oppożizzjoni ilha għal dawn l-aħħar sitt snin tapella lill-Gvern biex jerġa’ jwaqqaf il-Crisis Intervention Team.
L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa ilha tavżana li sa sena oħra id-dinja se tinħakem minn pandemiji ta’ mard mentali u aktar kemm jiżdied il-mard mentali aktar se jikber ir-riskju tas-suwiċidju. Fil-fatt illum hu stmat li f’pajjiżna wieħed minn kull erba’ persuni jbati minn problemi ta’mard mentali. Il-faqar u problemi finanzjarji huma wkoll kawża li tista’ twassal għas-suwiċidju.
L-Oppożizzjoni, sostna Mario Galea, tieħu l-opportunità biex terġa’ ttenni l-punt li is-suwiċidju mhux soluzzjoni. Min qed jaħseb biex jikkometti suwiċidju għandu jfittex l-għajnuna immedjatament għax dan il-mument ikrah jgħaddi. Sadattant, irridu wkoll inwasslu messaġġ ta’ solidarjetà lil qraba u ħbieb li tilfu xi persuna għażiża għalihom kawża tas-suwiċidju. Dawn ukoll huma persuni li għandhom bżonn ħafna support. L-Oppozizzjoni tibqa’ disposta li tgħin u taħdem mal-Gvern fil-qasam tal-prevenzjoni tas-suwiċidju u tas-saħħa mentali.
//= $special ?>