L-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara inawgurat monument tas-Salib tal-Assedju l-Kbir fi Triq ir-Rinella, il-Kalkara.
Iċ-ċerimonja saret il-Ġimgħa, b’marċ madwar ittoroq tal-Kalkara bis-sehem taż-żewġ baned tal-lokal: Il-Banda San Ġużepp u l-Banda Sagra Familja.
Is-serata imbagħad kompliet biswit il-monument stess bis-sehem ta’ tfal Kalkariżi li rrapreżentaw il-leġġenda tas-salib, qabel saret l-inawgurazzjoni.
Il-bini mill-ġdid ta’ dan il-monument għandu storja qadima: meta l-Ottomani ħabtu għall-gżejjer Maltin fl-1565, sabu kenn fuq l-għolja tas-Salvatur fil-Kalkara mnejn kienu jattakkaw lill-Kavallieri u l-Maltin fil-Birgu.
Din il-ġrajja hija magħrufa bħala l-Assedju l-Kbir ta’ Malta. Sabiex ma sserviex ta’ tarka għall-għadu, il-Gran Mastru La Valette ordna biex titwaqqa’ l-knisja l-qadima tas-S.S. Salvatur f’dawn l-inħawi.
Leġġenda popolari tgħid li fi tmiem l-Assedju l-Kbir, waqt li l-Ottomani kienu qed jaħarbu lura, il-Kavallieri u l-Maltin rħewlha lejn l-għolja tas-Salvatur fil-Kalkara.
Il-Gran Mastru jew il-Kmandant qabad ix-xabla tiegħu u deffisha fl-art, biex b’hekk ħadet forma ta’ salib. Dawk kollha preżenti niżlu għarkubbtejhom jirringrazzjaw lil Alla li dik l-art reġgħet ġiet f’idejn l-Insara.
Aktar tard maż-żmien inbena salib biex ifakkar din il-ġrajja, li sfortunatament inqered diversi snin ilu, iżda li issa se jkun jista’ jitgawda mill-ġdid.
//= $special ?>