Sport Waterpolo

Ir-referees Maltin tal-waterpolo mhux se jikkontrollaw logħbiet ta’ Sliema

(Ritratt: Martin Agius)

L-Assoċjazzjoni Maltija tar-Referees tal-Waterpolo ħadet deċiżjoni iebsa hekk kif stqarrija kkonfermat li mhux se tkun qed tikkontrolla logħbiet li fihom ikunu fl-azzjoni t-tim ta’ Sliema. Din id-deċiżjoni ttieħdet b’effett immedjat u l-logħbiet jinvolvu wkoll lill-kategoriji taż-żgħażagħ kif ukoll lit-tim tan-nisa.

Fl-ewwel logħba tal-finali tal-play-off għar-rebħ tal-Kampjonat Premier, tal-ġimgħa li għaddiet li Sliema tilfu 15-14 kontra Neptunes, Sliema għamlu allegazzjonijiet serji fil-konfront ta’ Peter Balzan li f’dik il-logħba kien hu r-referee Malti tal-logħba. Fit-tieni logħba tas-Sibt li għadda, il-logħba kienet ikkontrollata minn żewġ referees Taljani wara talba mill-istess klabb Slimiż.

Il-Malta Waterpolo Referees Association qalet li tiddeplora u tikkundanna mhux biss in-nuqqas ta’ fiduċja fir-referees Maltin iżda aktar minn hekk l-allegazzjonijiet li saru lejn il-membri tagħha. L-istqarrija kompliet tgħid li huma mhux lesti li jagħtu s-servizzi tagħhom lill-klabb li joħloq klima ostili u jagħmel allegazzjonijiet gravi. Din id-deċiżjoni tibqa’ fis-seħħ b’mod indefinit.