Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, qal li mhux se jitlob estensjoni għal Brexit. Hu għamel l-intenzjonijiet tiegħu ċari, sigħat wara li daħlet fis-seħħ liġi li tinsisti biex hu jipposponi l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea sal-2020, dment li hu ma jikkonkludix ftehim mal-Istati tal-Ewropa.
Intant, id-deputati fil-House of Commons ta’ Londra – għat-tieni darba f’ġimgħa – ċaħdu t-talba ta’ Johnson biex jipprova jħoll l-istaġnar politiku permezz ta’ elezzjoni ġenerali bikrija fir-Renju Unit.
Filwaqt li l-futur ta’ Brexit qed jidher dejjem aktar inċert, il-Parlament ta’ Londra spiċċa sospiż sal-14 ta’ Ottubru. Dan fost it-tensjoni kbira fil-House of Commons fejn id-deputati tal-Oppożizzjoni, għal ħinijiet sħaħ, għajtu d-disprezz tagħhom lejn id-deputati tal-Partit Konservattiv fil-Gvern.
L-indikazzjonijiet, issa, huma li Boris Johnson tilef il-kontroll tal-proċess għat-tluq tar-Renju Unit mill-UE. Dan qed jidher evidenti bl-approvazzjoni (fil-Parlament) tal-liġi li tobbligah ifittex posponiment għal Brexit f’każ li ma jirnexxilux jiffinalizza patt ġdid (mal-Unjoni) waqt is-summit tal-UE li se jsir ix-xahar id-dieħel.
Dan waqt li l-mexxejja tal-UE għadhom qed jgħidu li ma rċevew l-ebda proposti speċifiċi mingħand Johnson qabel is-summit li se jsir bejn is-17 u t-18 ta’ Ottubru.
Min-naħa tiegħu, Boris Johnson għadu determinat li jilħaq it-tragward – jiġifieri li r-Renju Unit ittemm l-isħubija fl-UE fil-31 ta’ Ottubru.
‘Dan il-Gvern se jinsisti bin-negozjati għal ftehim mal-UE waqt li, fl-istess ħin, iħejji għal ċirkustanzi fejn jista’ jitlaq mill-Unjoni mingħajr wieħed’, qal Johnson lill-Parlament, wara l-vot li ‘għalaq il-bieb’ għal elezzjoni bikrija fir-Renju Unit.
Hu kompla li se jattendi s-summit kruċjali tal-UE fejn għandu jipprova jikseb ftehim fl-interess tar-Renju Unit ‘irrispettivament mill-manuvri tal-Parlament biex jorbtulu jdejh’. Johnson, imbagħad, insista li ‘il-Gvern immexxi minnu ma jistax jipposponi Brexit ’il hinn mill-31 ta’ Ottubru’.
Il-Kap tal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, Jeremy Corbyn, qal li l-partit tiegħu hu ħerqan għal elezzjoni ‘iżda mhux se jappoġġja l-inizjattivi ta’ Johnson għal vot nazzjonali sakemm ikun ċert mill-posponiment ta’ Brexit (’il hinn minn Ottubru)’.
Il-Ministru Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Dominic Raab, intant, warrab għat-tħassib li l-Gvern jista’ jinjora l-leġiżlazzjoni ġdida li qed tisforza lil Johnson ifittex estensjoni ta’ tliet xhur għad-deadline ta’ Brexit f’każ li ma jikkonkludix ftehim mal-UE inkella jikkonferma, sad-19 ta’ Ottubru, li r-Renju Unit se jitlaq mill-Unjoni mingħajru.
//= $special ?>