It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena llum fil-5.30pm ikun impenjat fit-tieni logħba minn Grupp 8 tal-fażi tal-kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew kontra l-Ukrajna. L-avversarji saru champions tad-dinja ta’ taħt l-20 sena qabel is-sajf u għaxar plejers minnhom jinsabu parti mill-iskwadra tal-Ukrajna għal din il-logħba.
Iż-żgħażagħ Maltin ġejjin minn draw ta’ mingħajr gowls kontra l-Irlanda ta’ Fuq. Lejliet il-logħba, il-plejers Maltin tħarrġu fil-gym mal-physical trainer Karl Attard, bl-osservazzjoni tal-kowċis Silvio Vella u Noel Turner. Il-logħba se tintlagħab fi Slavutich Arena li jesa’ 12,000 spettatur.
F’kumment lis-sit uffiċjali tal-MFA, Silvio Vella qal li t-tim wera determinazzjoni u kienu ffukati biex jevitaw l-iżbalji li f’livelli bħal dawn normalment ikunu kkastigati bihom. Vella kellu kliem ta’ tifħir għall-ispirtu fit-tim Malti u li l-plejers Maltin għandhom il-mira li jitjiebu.
“Iċ-ċiklu jkompli u bħalma għamilt bi plejers oħra li huma stabbiliti mat-tim nazzjonali tal-kbar, il-mira tagħna hi li ngħinu lil dawn il-plejers isostnu l-iżvilupp u jkabbru t-talent biex jilħqu l-għan prinċipali li jkunu parti mit-tim nazzjonali,” qal Vella.
//= $special ?>