Lokali

Jitressqu l-qorti wara li heddew raġel Libjan

Żewġ irġiel Maltin, wieħed ta’ 33 u ieħor ta’ 48 sena, it-tnejn residenti x-Xagħra Għawdex, ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet tal-Qorti.

L-irġiel ġew akkużati li nhar il-Ħadd 8 ta’Settembru, għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħaxija, heddew raġel Libjan ta’ 33 sena u mingħajr ma darbuh, heddewh permezz ta’ oġġetti iebsin fi pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex.

Huma kienu akkużati wkoll b’attentat vjolenti fuq l-istess raġel u kif ukoll talli kienu xurbana, qalu kliem oxxen fil-pubbliku kif ukoll kissru l-bon ordni u l-paċi pubblika

Ir-raġel ta’ 33 sena ġie akkużat li kellu fuqu arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr il-permess tal-kummissarju tal-Pulizija, ikkommetta reat waqt li kien taħt ordni operattiv ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti u kiser Ordni ta’ Trattament meta wettaq reat fi żmien il-perjodu operattiv ta’ sentenza ta’ Trattament mogħtija mill-Qorti.

L-akkużati wieġbu mhux ħatja u ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet tal-Qorti, filwaqt li nħarġet ordni ta’ protezzjoni temperanja fil-konfront tal-vittma.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur J Gauci