Internazzjonali

L-UE: Lejn l-aktar Kummissjoni ‘varjata’ fl-istorja

Ursula von der Leyen, li mill-Ewwel ta’ Novembru tassumi uffiċjalment il-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea (wara Jean-Claude Juncker), ippreżentat l-għażliet tagħha għad-diversi karigi fil-Kummissjoni.

F’każ li dan l-Eżekuttiv ġdid ikun approvat mill-Parlament tal-Ewropa, il-Kummissjoni għandha tkun l-aktar waħda varjata fl-istorja tal-Unjoni Ewropea, peress li tkun tikkunsisti minn tlettax-il mara u erbatax il-raġel.

L-ismijiet fuq il-lista ta’ von der Leyen qed jiffaċċjaw diversi sfidi diffiċli, fosthom l-iżviluppi tal-Brexit (il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea) u l-ġlieda kontra l-bidliet fil-klima.

Il-Kummissjoni ġdida mhi qed tinkludi l-ebda (innominat) Britanniku, peress li l-proċess ta’ Brexit, għalissa, hu programmat għall-31 ta’ Ottubru.

Fil-fatt, il-ħruġ ippjanat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea għandu jsir fil-ġurnata qabel il-Kummissjoni Ewropea ġdida tassumi r-rwol tagħha uffiċjalment. Intant, il-membri tal-Parlament Ewropew se jkunu involuti fis-‘smigħ ta’ konferma’ għal kull persuna nnominata għall-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea, li hi bbażata fi Brussell, hi responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet u t-trattati tal-UE. Fl-istess ħin, hi l-unika istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea li tista’ tipproduċi l-liġijiet.

Dan meta l-Eżekuttiv il-ġdid ta’ 27 membru ( wieħed għal kull Stat membru) ‘il quddiem għandu jsegwi mandat ta’ ħames snin.

L-innominati ta’ von der Leyen jinkludu lill-Irlandiż, Phil Hogan, bħala l-Kummissarju ġdid responsabbli mill-Kummerċ; Margaritis Schinas ( tal-Greċja) fir-rwol ta’ Viċi-President b’responsabbiltà għall-Protezzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropea; l-Olandiż, Frans Timmermans, bħala l-Viċi-President Eżekuttiv għall-‘Green Deal’ tal-Ewropa u Margrethe Vestager (tad-Danimarka) li mistennija tilħaq Viċi-President Eżekuttiv b’responsabbiltà għall-iżvilupp u s-sehem tal-Ewropa fl-Era Diġitali.