Internazzjonali

Lejn l-elezzjonijiet f’Iżrael: Netanyahu beħsiebu jgħaqqad il-Wied tal-Ġordan ma’ pajjiżu…

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, ħalef li jgħaqqad il-Wied tal-Ġordan — li hu parti mix-Xatt tal-Punent okkupat — ma’ Iżrael jekk kemm-il darba hu jirbaħ l-elezzjonijiet ġenerali ta’ nhar it-Tlieta f’pajjiżu.

Hu qed jaħseb biex ‘jinsisti bis-sovranità ta’ Iżrael fuq il-Wied tal-Ġordan u l-parti ta’ fuq tal-Baħar il-Mejjet’ — b’din il-politika mistennija tingħata appoġġ mill-partiti tal-lemin li x’aktarx, ‘il quddiem, ikunu avviċinati minn Netanyahu għal koalizzjoni.

Min-naħa tiegħu, id-diplomatiku Palestinjan, Saeb Erekat, qal li pass bħal dan min-naħa ta’ Iżrael għandu ‘jgħarraq kwalunkwe ċans għall-paċi’ fir-reġjun.

Iżrael ilu jokkupa lix-Xatt tal-Punent mill-1967 iżda, s’issa, dejjem żamm lura milli jgħaqqad it-territorju ma’ artu.

Benjamin Netanyahu, bħala l-Kap tal-Partit Likud, jinsab għaddej bil-fażi finali tal-kampanja elettorali qabel l-elezzjonijiet tat-Tlieta. L-istħarriġ juri li l-Likud jinsab ras-imb-ras mal-Partit Blu u Abjad taċ-ċentru ( fl-Oppożizzjoni) u, ‘il quddiem, kapaċi jsibha diffiċli biex jikkonkludi koalizzjoni.