Il-pajjiż għandu bżonn pjan ħolistiku għas-suq tal-kiri. U l-liġi li ħareġ biha l-Gvern hi biss soluzzjoni nofs leħja.
Din il-pożizzjoni kienet espressa mill-ġdid mill-Kamra tal-Kummerċ wara li ftit aktar minn xahar ilu kienet diġa’ esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-emendi għal-Liġi tal-Kera – iżda l-Gvern baqa’ totalment sieket u minn Kastilja ħadd ma indirizza dawn id-dubji li tqajjmu; lanqas il-Prim Ministru.
Sal-bieraħ stess anke l-Kap tal-PN Adrian Delia qal illi l-Oppożizzjoni qed tibqa’ topponi l-klawsola li tagħti poter lill-Awtorita’ tad-Djar taqbad u tidħol f’residenzi privati biex tispezzjona.
Il-Kamra tal-Kummerċ minn naħa tagħha qed tgħid li din il-Liġi għandha tinbidel mill-ġdid sabiex verament issir ir-riforma li hemm bżonn.
Il-Kamra ddeskriviet il-mossa tal-Gvern bħala “superfiċjali” u li mhu se ssolvi xejn fejn jidħlu l-kirjiet.
Fl-aħħar jiem, diversi sidien ta’ propjetajiet privati esprimew ir-rabja kbira tagħhom għal din il-liġi waqt laqgħa organizzata mill-MDA. Is-sidien insistew li huma assulutament kontra l-liġi l-ġdida li tressqet – huma stess se jispiċċaw darhom mal-ħajt wara l-investiment qawwi li għamlu tul is-snin – u min jikri se jispiċċa jbati wkoll.