Erbatax-il klabb minn sitt pajjiżi flimkien mal-Akkademja Maltija tal-Judo nhar is-Sibt ħadu sehem fil-35 edizzjoni tal-Malta International Judo Open. Fil-kategoriji tal-Espoir li jkopru t-tfajliet u subien bejn it-12 u l-14-il sena, il-klabb Taljan Urbisaglia kien l-aktar b’saħħtu fejn rebaħ tnejn mill-erba’ midalji tad-deheb bl-oħrajn jintrebħu minn JC Villa Vitale tal-Ġermanja u t-Tim Reġjonali CSEN Abruzzo tal-Italja. L-aħjar judoka Malti kien Sadek Khalef ta’ Malta Judo Academy.
Fil-kategoriji tal-kadetti t-tim Reġjonali minn Sqallija rebaħ tliet midalji tad-deheb, segwit mit-tim tal-Judo CSEN tal-Italja u t-tim Malti b’żewġ midalji tad-deheb kull wieħed, bil-bqija jintrebħu mit-tim Reġjonali CSEN Abruzzo tal-Italja u s-Samurai Judo Club Budapest tal-Ungerija. L-aħjar judoka Maltija kienet Estelle Camilleri ta’ Malta Judo Academy li rebħet it-tliet logħbiet kollha tagħha.
Fil-kategoriji tal-kbar t-tim tal-Judo CSEN tal-Italja rebaħ erba’ midalji tad-deheb u tlieta tal-fidda. It-tim Reġjonali ta’ Sqallija tal-Italja kiseb erba’ deheb, tnejn fidda u bronż. Malta daħlet fis-sitt post b’ħamsa fidda u bronż. Clive Camilleri ta’ Tigne Judo Club għeleb tlieta minn erbgħa mill-avversarji barranin tiegħu b’Ippon fejn kiseb midalja tal-fidda fil-kategorija tal-kbar, avolja għadu kadett.
L-avveniment intemm b’erba’ kategoriji Open fejn kull wieħed mill-judokas seta’ jikkompeti f’erba’ kategoriji ta’ piż miftuħ. Tnejn mill-erba’ midalji tad-deheb intrebħu minn Isaac Bezzina ta’ Malta Judo Academy u Katryna Esposito ta’ Tigne Judo Club.
Il-Malta Judo Federation kellha l-unur li tilqa’ lir-referee internazzjonali li kienet referee Olimpika u Dinjija Anna Maria Fridrich, referee tat-Tour Dinji Viktor Havasi u r-Referee Internazzjonali Nusa Lampe. Ir-referee nazzjonali Abdul Rahman Latif u r-referee CSEN Vincenzo Lo Zito kienu preżenti wkoll.
//= $special ?>