Sport Sport Ieħor

Riżultati pożittivi għal-lottaturi Maltin fir-Renju Unit

It-tim nazzjonali Malti tal-lotta stil liberu għal sena oħra tħalla jikkompeti fil-kampjonati nazzjonali tar-Renju Unit. It-tim Malti kien magħmul minn sitt lottaturi li uħud minnhom kienu qed jikkompetu f’tournament internazzjonali għall-ewwel darba.

Fin-nuqqas ta’ Gary Giordmaina li bħalissa qed jirkupra minn injury, it-tim Malti kellu lil Nigel Vella jikkompeti fil-kategorija tal-57kg, lil Nico Zarb u Victor Aquilina fis-70kg, Andrew Azzopardi fl-74kg, Nathaniel Buttigieg D’Ugo fid-79kg u l-veteran Habib Kamali fil-kategorija ta’ taħt is-86kg.

L-aħjar riżultat kisbu proprju Kamali li rebaħ tliet ġlidiet biex kiseb il-midalja tal-bronz b’rebħa fuq l-avversarju Syerus Eslami, rebbieħ tal-midalja tal-bronż fil-Logħob tal-Commonwealth li saru s-sena li għaddiet fl-Awstralja. Iż-żagħżugħ Nigel Vella kellu prestazzjoni tajba ħafna fil-kategorija tas-57kg u bir-rebħa fuq lottatur Iranjan kiseb id-dritt li jikkontesta l-finali kontra l-Ingliż Smith, liema ġlieda tilef biex kellu jikkuntenta bil-midalja tal-fidda.

Midalja tal-bronż oħra ntrebħet minn Nathaniel Buttigeg d’Ugo li b’żewġ rebħiet kiseb post fuq il-podju u l-ewwel midalja tiegħu f’tournament internazzjonali. Intant, l-atleta Andrew Azzopardi kiseb disa’ punti fil-ġlieda tiegħu kontra avversarju Iranjan imma dan xorta ma kienx biżżejjed biex jirbaħ il-ġlieda u spiċċa eliminat b’mod bikri mill-kategorija tas-70kg.

It-tim Malti kien taħt il-gwida tal-kowċ Adam Vella, li għalih din kienet l-ewwel esperjenza tiegħu fit-tmun tat-tim nazzjonali filwaqt lir-referee internazzjonali Abraham Vassallo għal darba oħra kien wieħed mir-referees ewlenin li l-Federazzjoni Ingliża fdat biex jikkontrolla numru ta’ glidiet f’dawn il-kampjonati li saru f’Manchester.

L-appuntament li jmiss għal-lottauri Maltin huwa tournament internazzjonali li se jsir f’Malta f’Novembru bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 sena mit-twaqqif tal-Federazzjoni Maltija Lotta.

Tags