Internazzjonali

Stati Uniti: Salvati kollha minn bastiment wara ħidma intensiva

Il-gwardjani tal-kosta Amerikani rnexxielhom isalvaw lill-aħħar membri tal-ekwipaġġ li kien għad fadal fuq bastiment tal-merkanzija li nhar il-Ħadd inqaleb fil-baħar, ‘il hinn mill-Istat ta’ Georgia, waqt li fi triqtu lejn Baltimore.

Wara li kienu salvati tliet baħrin li kienu nqabdu f’parti partikulari tal-bastiment bl-isem Golden Ray, kompliet il-ħidma ‘aktar ikkumplikata’ biex l-aħħar membru tal-ekwipaġġ jinħareġ qawwi u sħiħ minn kamra tal-kontroll li kienet spiċċat ‘inaċċessibbli’.

Il-‘Golden Ray’, li kien qed jittrasporta l-vetturi, kien inqaleb nhar il-Ħadd filgħodu wara li telaq mill-port ta’ Brunswick.

Fis-sigħat sussegwenti, l-awtoritajiet irnexxielhom isalvaw biss xi 20 membru tal-ekwipaġġ minħabba n-nirien li bdew jaqbdu fuq il-bastiment, iżda huma komplew bit-tentattivi u rnexxielhom jagħmlu l-kuntatt mal-erba’ baħrin li kien fadal – bl-iskwadri għall-emerġenza jħaffru ħofra fil-buq tal-bastiment bil-għan li jilħquhom.

Filwaqt li tlieta fost il-baħrin salvati fil-lejl tat-Tnejn kienu maqbudin qrib ix-xaft tal-iskrun tal-vapur, ir-raba’ wieħed kien spiċċa f’parti separata tal-‘Golden Ray’ u l-isforzi biex joħorġuh kienu ‘aktar diffiċli’.

L-aħħar baħrin salvati kienu kollha ċittadini tal-Korea t’Isfel.