Edukazzjoni Lokali

Tħassib mill-UPE dwar l-impjieg ta’ għalliema barranin

Il-Gvern qed jimpjega għalliema “b’kundizzjonijiet ta’ prekarjat”

“Kieku l-Gvern Laburista żamm il-wegħdi tiegħu li għamel fil-manifesti elettorali, kemm tal-2013 kif ukoll tal-2017, m’aħniex fis-sitwazzjoni li qegħdin illum fejn il-Gvern se jkollu jirrikorri għal għalliema barranin biex isolvi l-iskarsezza ta’ għalliema”.

Sostna dan, Graham Sansone, il-Kap Eżekuttiv tal-Union Professional Educators waqt konferenza tal-aħbarijiet hekk kif il-Ministru Evarist Bartolo ikkonferma li l-Gvern se jkun qed ifittex għalliema barranin fi grad ta’ supply fil-Matematika, l-Ingliż u l-IT. Hu qal li l-proposti kienu pożittivi iżda wara kważi seba’ snin, dawn baqgħu fuq il-karta.

Hu qal li minħabba l-fatt li l-pajjiżi Ewropej għandhom ukoll problemi ta’ skarsezza ta’ għalliema u li l-pagi tal-għalliema f’Malta huma fost l-iktar baxxi fl-UE, il-probabbilta’ hi li l-għalliema li se jirnexxielu jattira l-Gvern se jiġu minn pajjiżi terzi.

Barraminhekk, Graham Sansone żvela li hemm xi għalliema f’suġġetti vokazzjonali li ġew impjegati bħala self-employed b’kundizzjonijiet ta’ prekarjat bi ħlas ta’ €11.65 fis-siegħa u mingħajr benefiċċji bħal sick leave. Hu staqsa jekk dawn l-għalliema barranin hux se jkunu impjegati bl-istess kundizzjonijiet u jekk dan hux se jkompli joħloq pressjoni fuq il-kundizzjonijiet eżistenti tal-għalliema.

F’temp ta’ ftit jiem, il-Ministru Evarist Bartolo għamel U-turn, fejn l-ewwel qal li m’hawnx nuqqas ta’ għalliema u mbagħad qal li l-Gvern se jdaħħal għalliema barranin biex jimla’ n-nuqqas ta’ għalliema f’numru ta’ skejjel tal-Istat.

Graham Sansone irrefera wkoll għall-kummenti li ta s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni Frank Fabri fejn qal li l-kriterji għad-dħul tal-għalliema barranin se jkunu l-istess għal għalliema impjegati fil-grad ta’ supply. Dan ifisser li dawn l-għalliema mhux se jkollhom it-taħriġ fil-pedagoġija.

“Allura jekk dawn l-għalliema se jkollhom il-kwalifiki ta’ supply, għaliex ma saritx sejħa fis-suq lokali?”, staqsa Sansone.