Futbol Sport

Tliet gowls fl-ewwel taqsima jassiguraw ir-rebħa għat-tim Ukren

(Ritratt: MFA)

UKRAJNA……………………. 4 MALTA………………………… 0

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena sofra l-ewwel telfa fi Grupp 8 mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew, b’telfa ta’ 4-0 kontra l-Ukrajna fi Slavutich Arena. Il-logħba kienet prattikament deċiża fl-ewwel taqsima, bl-Ukreni jiskorjaw tliet darbiet.

It-tim kellu ħafna mill-plejers li kienu parti mit-tim ta’ taħt l-20 sena li rebaħ it-Tazza tad-Dinja. Il-kowċ Silvio Vella għamel żewġ bidliet mid-draw fl-ewwel impenn kontra l-Irlanda ta’ Fuq. David Xuereb u Jan Tanti bdew flok Jan Busuttil u Aidan Friggieri.

L-Ukrajna fetħet l-iskor fit-18-il minuta bi free-kick ta’ Akhmed Alibekov kien mogħti qasir lejn Dmytro Topalov li b’xutt b’saħħtu skorja minn tarf il-kaxxa. L-iskor sar 2-0 tliet minuti wara b’Nazariy Rusyn jiltaqa’ ma’ kross fil-baxx mix-xellug u għeleb lil Andreas Vella.

Andreas Vella salva tajjeb wara n-nofs siegħa logħob meta dawwar f’korner xutt ta’ Shaparenko, iżda fil-41 minuta wasal it-tielet gowl b’azzjoni veloċi li fiha Bogdan Lednev skorja b’xutt fil-baxx.

Fit-tieni taqsima t-tim Malti kien aħjar iżda xorta ma sabx ix-xibka, bl-Ukrajna tiskorja r-raba’ gowl seba’ minuti mit-tmiem. Kozhushko sab l-ispazju biex qassam lejn l-iżmarkat Giorgi Tsitaishvili li skorja b’xutt fuq it-tieni lasta. L-impenn li jmiss tat-tim Malti jkun fl-10 ta’ Ottubru f’Turku kontra l-Finlandja.

Ukrajna: O. Bilyk, Y. Cheberko, D. Topalov (G. Tsitaishvili 52’), M. Checkh, A. Alibekov (V. Babolgo 52’), B. Milovanov, B. Lednev (M. Mudryk 77’), V. Dubinchak, M. Shaparenko (Y. Smirniy 53’), O. Bykov, N. Rusyn (O. Kozhushko 68’)

Malta: A. Vella, M. Sansone, G. Camilleri, Z. Grech, J. Borg, N. Pulis (J. Zerafa 46’), K. Shaw, D. Xuereb, J. Tanti (A. Friggieri 59’), M. Beerman (J. Busuttil 77’), Z. Brincat (O. Elouni 89’)

Referee: Juxhin Xhaja (Albanija)