Internazzjonali

Kundanna għall-pjani ta’ Netanyahu għax-Xatt tal-Punent

Il-pajjiżi Għarab ingħaqdu f’kundanna għall-pjan tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, biex jgħaqqad terz tat-territorju okkupat tax-Xatt tal-Punent ma’ Iżrael. Netanyahu wiegħed li jinsisti ‘bis-sovranità ta’ Iżrael fuq il-Wied tal-Ġordan u l-parti ta’ fuq tal-Baħar il-Mejjet’ f’każ li jirbaħ l-elezzjoni ġenerali tal-ġimgħa d-dieħla f’pajjiżu.

Sadanittant, l-uffiċjali fil-Ġordan u l-Arabja Sawdija kkundannaw din l-aħbar bla riservi, waqt li l-Palestinjani wkoll esprimew għadab għall-intenzjonijiet ta’ Netanyahu.

Fil-fatt, il-kelliema għall-Palestinjani qalu li ‘pass daqstant perikoluż min-naħa ta’ Iżrael għandu jelimina kull ċans u opportunità għall-paċi fil-Lvant Nofsani’.

Madankollu, is-sorsi qrib in-Nazzjonijiet Uniti qalu li ‘l-għaqda proposta tal-art tax-Xatt tal-Punent ma’ Iżrael mhi se jkollha l-ebda effett legali fuq bażi internazzjonali’.

Iżrael ilu mill-1967 jokkupa x-Xatt tal-Punent li l-Palestinjani jridu bħala s-sit għal Stat tal-Palestina fil-futur. Qabel esprima l-aħħar intenzjonijiet tiegħu, Benjamin Netanyahu kien insista li Iżrael dejjem se jkollu preżenza fil-Wied tal-Ġordan għal raġunijiet ta’ sigurtà.

Waqt li l-Iżraeljani qed iħejju biex jivvutaw fl-elezzjoni, il-Partit Likud ta’ Netanyahu jinsab kważi ras-imb-ras (skont l-istħarriġ) ma’ alleanza taċ-ċentru fl-Oppożizzjoni.

Intant, l-osservaturi jemmnu li Netanyahu ħareġ bil-proposti dwar ix-Xatt tal-Punent biex jikseb ‘vantaġġ politiku ċar’. Dan meta huma sinifikanti kliem Netanyahu li ‘Iżrael kapaċi jieħu dik il-parti tax-Xatt tal-Punent immedjatament wara l-elezzjoni u jekk kemm-il darba hu ( Netanyahu) jirċievi mandat ċar mingħand l-elettorat.’

Filwaqt li Netanyahu qed jinsisti li Iżrael, permezz ta’ dan il-pass, ikun qed jaħtaf opportunità storika, l-avversarji politiċi kritikawh dwar ‘dan il-gimmick elettorali’.

Fl-istess ħin, Benjamin Netanyahu qal, mill-ġdid, li beħsiebu jgħaqqad ir-residenzi kollha tal-Lhud (fix-Xatt tal-Punent) ma’ Iżrael — iżda wissa li dan il-pass ‘għandu jistenna’ għall-pubblikazzjoni tal-pjan tal-President Amerikan Donald Trump għal ftehim għall-paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani.’