Lokali Qorti

15-il xahar ħabs għall-plejer internazzjonali Malti fuq fastidju fuq l-eks tfajla tiegħu

Il-plejer tat-tim nazzjonali Malti Clifford Gatt Baldacchinio, li jilgħab fil-kampjonat Premier ma’ Gżira United ġie kundannat 15-il xahar ħabs u multa ta’ €1,000 wara li ammetta fil-Qorti li ta fastidju lill-eks tfajla tiegħu permezz ta’ diversi telefonati u talli mar warajha f’bajja bi vjolazzjoni ta’ ordni mill-Qorti.

Id-difensur ċentrali ammetta l-akkużi, fosthom li għamel użu ħażin mill-meżżi ta’ kommunikazzjoni u dan permezz tal-mobajl u li kkaġuna lit-tfajla biża li se tintuża vjolenza kontra tagħha. Huwa ammetta wkoll li kiser ordni ta’ protezzjoni u sentenza sospiża.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha kkunsidrat l-ammissjoni bikrija ta’ l-imputat, il-fatt li r-reati huma serji, l-fatt li lanqas laħqu għaddew sitt ijiem mis-sentenza mogħtija kontrih minn Qorti fit-23 ta’ Awwissu 2019, u li huwa għogbu jaġixxi bi ksur tal-Liġi u bi ksur ta’ sentenza sospiża.

Il-Qorti qieset ukoll il-fatt dwar il-mod kif Gatt Baldacchino ippersista fl-atteġġjament tiegħu billi baqa jsegwi l-passi u jikkomunika jew jipprova jikkomunika ma l-ex sieħba tieghu, huwa ċertament atteġġjament u komportament li ħoloq ansjetà, dwejjaq u fastidju enormi lilha.

B’dak li għamel rabat idejn il-Qrati u għandu jkun hu biss responsabbli għal għemilu, kif ukoll li d-disposizzjonijiet tal-Kapitolu 581 tal-Liġijiet ta’ Malta, li jaqa’fil parametri tal-vjolenza domestika.

Fil-Qorti l-Prosekuzzjoni spjegat kif Gatt Baldacchino kien f’relazzjoni ma’ mara li spiċċat. Madankollu l-plejer kien ‘ossesjonat’ fuqha, u beda jaġixxi b’mod li hi bdiet tibża u sa anke għamlet rapport lill-Pulizija dwar dan fejn qaltilhom biex jgħinuha.

Il-plejer kien diġa pprojbit mill-Qorti milli jagħmel kuntatt magħha, u għalhekk fis-16 ta’ Awwissu nħarġet ordni ta’ protezzjoni u fit-23 ta’ Awwissu huwa kien ingħata sentenza sospiża għall-azzjonijiet tiegħu.

Madankollu anqas minn ġimgħa wara Gatt Baldacchino kiser l-ordni ta’ protezzjoni u s-sentenza sospiża, u dan wara li kien mar fil-bajja fejn kienet qed tgħum l-eks tfajla tiegħu, anke jekk kien telaq mingħajr ma kellimha.

Sadanittant nhar l-Erbgħa, 28 ta’ Awwissu, huwa beda jċemplilha diversi drabi fuq il-mobajl tagħha. Gatt Baldacchino ammetta l-akkużi kollha miġjubin kontrih.

Fuq dan il-każ huwa weħel disa’ xhur ħabs u li magħhom żdiedu sitt xhur oħra li kienu mposti mill-Maġistrat Doreen Clarke li fit-23 ta’ Awwissu kienet ikkundannatu sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn. Għalih deher l-Avukat Jean Paul Sammut.