Lokali

Chris Fearne fuq quddiem fit-tellieqa għal-leader tal-Partit Laburista

Attivisti Laburisti jinsabu għaddejjin fuq kampanja mhux uffiċjali għal diversi kandidati biex jieħdu post Joseph Muscat. Dan għalkemm nies viċin il-Prim Ministru qed jgħidu li m’għandu l-ebda ħsieb li jirtira mill-kariga.

Il-ġurnal Times of Malta jinsab infurmat li f’survey li sar internament, fuq quddiem ta’ din it-tellieqa hemm il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne, bl-MEP Miriam Dalli ferm viċin tiegħu. Isegwuhom hemm imbagħad Konrad Mizzi, Ian Borg u Robert Abela.

Jidher li Chris Fearne igawdi distakk ta’ 5% fuq Miriam Dalli, li tinsab quddiem il-Ministru Konrad Mizzi b’2%.  Il-Ministru Ian Borg…li bhalissa kuljum qed jorganizza avvenimenti ghall-media… isegwi lil Konrad Mizzi b’distakk ta’ 2% ukoll.

Gġalkemm ma ssemmiex f’dan ir-rapport, anke l-Ministru Owen Bonnici għaddej b’ħidma qawwija viċin id-delegati u l-attivisti tal-partit. Tant illi fl-aħħar jiem organizza attività kbira għall-partitarji Laburisti biex juri s-saħħa tiegħu.

Joseph Muscat kien qal li beħsiebu jċedi s-siġġu qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss, però sorsi qed jgħidu li jista’ jkun li wara l-baġit tibda t-tellieqa biex jintgħażel is-suċċessur tiegħu. Uħud qed isostnu wkoll li Muscat jibqa’ jservi bħala Prim Ministru għal sitt xhur wara li jinħatar il-leader il-ġdid tal-Partit Laburista.

Skont l-Istatut tal-Partit Laburista, l-iktar żewġ kandidati li jġibu voti minn fost id-delegati, jgħaddu għal elezzjoni finali li fiha jivvutaw it-tesserati kollha tal-Partit. 

Fid-dawl ta’ dan kollu…. il-Prim Minsitru nnifsu se jkun ta’ influwenza kbira għal dawk li se jivvutaw.