Lokali Qorti

Ħaddiem irregolari mixli li seraq €30 jinżamm arrestat

Serb li kien qed jaħdem b’mod irregolari f’ristorant li jispeċjalizza fil-‘fast food’ ma ngħatax il-libertà proviżorja wara li ġie mixli li seraq €30 minn ristorant ieħor.

Il-Qorti ma tagħtux pleġġ għax li kieku kellu jingħata l-ħelsien, huwa kien se jirritorna x-xogħol jaħdem b’mod irregolari, u jikser il-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti, jekk mhux ukoll liġijiet oħra.

Stojan Zubic, ammetta fil-Qorti li ilu jgħix Malta 30 ġurnata u li beda jaħdem ma’ ristorant li jispeċjalizza fil-‘fast food’ f’San Ġiljan għal dawn l-aħħar 15-il ġurnata, minkejja li mhuwiex fil-pusses ta’ VISA li tagħtih il-permess li jaħdem Malta.

Huwa ġie mixli li sgassa ristorant f’Marsaskala u dan bejn it-3am u l-4am, ta’ nhar it-Tnejn, 9 ta’ Settembu, u mill-‘cash register’ seraq €30. L-uffiċjal Prosekutur Eman Hayman ippreżenta CD fil-Qorti li skont hu fiha filmat tal-akkużat jisgassa u jidħol biex finalment seraq il-flus. “Huwa ċar li l-persuna li jidher fil-filmat huwa l-akkużat”, huwa qal lill-Qorti.

Zubic wieġeb mhux ħati u qal li s-CCTV li mmarkatu hija korretta li ġabitu jidher fl-inħawi u dan għaliex huwa ta’ spiss jgħaddi mill-post tard matul il-lejl.

Il-video tiegħu fejn qed jidher jidħol fir-ristorant deher fuq il-media soċjali qabel mal-Pulizija kienu jafu xi ħaġa dwar il-każ. Kien biss meta daħlu numru ta’ telefonati anonimi li qalu lill-Pulizija li l-ħalliel kien f’cafeteria fil-viċin, li morma fuqu u arrestajnih”, qalet il-Prosekuzzjoni.

L-akkużat ta’ 40 sena, li ripetutament beda jrodd is-salib fl-awla tal-Qorti qal li huwa kien issuplixxa lil min iħaddmu bir-rekwiżiti kollha tax-xogħol, li tinkludi karta tal-identità, l-indirizz tad-dar u dettalji oħra.

“Dak ma jfisser xejn. Mhux qed natribwixxi dan in-nuqqas lilek. Sempliċiment qed ngħid li int qed taħdem bħalissa mingħajr VISA tax-xogħol u għalhekk qed taħdem b’mod irregolari. Ma nistax nagħtik il-libertà proviżorja,” qaltlu l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

L-akkużat ma kkontestax l-arrest iżda għamel talba għal libertà proviżorja u beda jgħid li kien qed jiġi priv mill-libertà għal €30 hija xi ħaġa estravaganti.

Il-Qorti talbet lill-Prosekuzzjoni biex tinvestiga d-dokumenti tax-xogħol tal-akkużat u dan peress li m’għandux rabtiet ma’ Malta u li apparentament ma sab l-ebda diffikultà biex jikser il-liġijiet tax-xogħol, kif ammetta hu stess. Għaldaqstant mhux ta’ min jorbot fuq l-akkużat u li żgur mhux se jkun f’pożizzjoni li joqgħod mal-garanziji tal-Qorti. Huwa nżamm arrestat.