Lokali

AĠĠORNATA: Il-piloti jakkużaw lill-Air Malta bi tmexxija tal-‘mistħija’

L-Air Malta tgħid li l-aġir ta' wħud mill-piloti huwa inaċċettabbli

Stqarrija ċara mill-Assoċjazzjoni tal-Piloti, l-ALPA, li tikkundanna t-tmexxija ħażina tal-Air Malta.

Wara rapporti li saru fil-media t-Tnejn li għadda, b’rabta mat-titjira tal-Air Malta riċenti li rriżultat f’dewmien ta’ 17-il siegħa fl-ajruport f’Palermo-Borsellini, l-ALPA għamlet investigazzjoni interna fejn skopriet li l-fatti kienu differenti minn dak li kien irrappurtat fil-media.

Fi stqarrija l-ALPA qalet li l-kaptan skedat li jopera għal Palermo fl-għodwa tat-9 ta’ Settembru, minflok ingħata struzzjoni li jopera minn Katanja. Dan għaliex il-kaptan li oriġinarjament kien skedata fuq Katanja ma kellux il-mistrieħ minimu rikonoxxut legalment bejn titjira u oħra.

Ġestjoni ħażina fi ħdan il-livelli għolja tal-kumpanija bla dubju qed jikkawża inkonvenjenza għall-passiġġieri kif ukoll telf finanzjarju għall-Air Malta. Il-membri tal-ALPA ġew imwaqqfa milli jagħmlu użu mil-leave tagħhom tas-sena li għaddiet, minkejja diversi lmenti tal-Unjoni f’dan ir-rigward. Dan kien kontributur ewlieni li wassal għall-fattur tal-għajja esperjenzata mill-piloti.

L-ALPA itenni li l-problemi attwali jirriżultaw mill-fatt li l-Air Malta m’għandhiex piloti biżżejjed. Talbiet mill-ALPA dwar il-bżonn ta’ aktar ekwipaġġ kienu injorati dan b’detriment li qed ikunu hemm aktar piżijiet fuq il-piloti.

Ir-rapporti li dehru fil-media li t-titjira Palermo-Borsellini kienet ittardjat minħabba pilota li mar jixtri l-fjuri f’Amsterdam huma rapporti foloz. It-titjira kellha dewmien ta’ 17-il siegħa sabiex ekwipaġġ operattiv minn Amsterdam ikun jista’ jopera wkoll għal Palermo.

L-istqarrija ttemm tgħid li dawn huma tattiċi tal-mistħija mill-Air Malta li qed titfa’ dell iktrah fuq il-piloti tagħha stess. Dan kollu mhux se jwaqqaf lill-piloti milli jkomplu jwettqu d-doveri tagħhom b’diliġenza u mingħajr periklu iktar minn qatt qabel.

Intant, b’reazzjoni għal dan l-Air Malta fi stqarrija qalet li tinsab iddispjaċuta għall-aġir ta’ wħud mill-piloti. B’referenza għall-każ tax-xiri ta’ fjuri minn pilota tal-Air Malta b’konsegwenza li t-titjira spiċċat telqet tard, hija qalet li aġir bħal dan huwa wieħed inaċċettabbli.

Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien hemm 13-il pilota li ma marrux għax-xogħol minħabba li kienu ma jifilħux, fejn skont l-Air Malta dawn iċ-ċifri mingħajr preċedent huma b’mod ċar mhux konformi man-normi tal-industrija.

Il-linja nazzjonali tal-ajru tinsab diżappuntata li ħafna mil-ħin qed jispiċċa jinħela għax qed ikun iddedikat għal tilwim industrijali, li skont l-Air Malta, mhux raġonevoli.