L-istudenti barranin, ladarba jiggradwaw, se jkunu permessi li jibqgħu jgħixu fir-Renju Unit għal sentejn, bil-għan li jsibu impjieg. Dan sar magħruf skont il-proposti ġodda li ħabbar il-Home Office (Ministeru tal-Intern) ta’ Londra.
Il-miżura, effettivament, qed taqleb id-deċiżjoni tal-2012 li ħadet l-eks Home Secretary (u aktar tard Prim Ministru) Theresa May, u li permezz tagħha l-istudenti barranin kienu kostretti li jħallu r-Renju Unit erba’ xhur biss wara li kienu kkonkludew kors ta’ studju avvanzat.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, qal li l-bidla fir-regoli għandha tgħin biex l-istudenti ‘jirrealizzaw il-veru potenzjal tagħhom’ u jibdew il-karrieri fir-Renju Unit. Madankollu, il-grupp Migration Watch xorta qed ifisser il-bidliet fir-regoli bħala ‘pass lura’.
Il-bidliet se japplikaw għall-istudenti internazzjonali fir-Renju Unit li jibdew korsijiet fuq livell ta’ undergraduate (jiġifieri meta jkunu għadhom mingħajr il-lawrja) jew ogħla, mis-sena d-dieħla ’l quddiem. Sadattant, dawn l-istudenti barranin iridu jkunu qed jistudjaw ma’ istituzzjoni li tirrispetta l-impenji għall-evalwazzjoni tal-immigranti.
Taħt il-proposti ġodda, ma teżisti l-ebda restrizzjoni għat-tip ta’ xogħol li jkollhom ifittxu l-istudenti barranin u l-ebda limitazzjoni rigward numru.
Fil-preżent hemm ftit ’l fuq minn 450,000 studenti barranin li qed jistudjaw fir-Renju Unit. Minn dawn, kważi żewġ terzi huma minn barra l-Unjoni Ewropea, għaldaqstant huma jeħtieġu visa tal-istudenti biex jibqgħu jgħixu f’dan il-pajjiż.
Minn dawn l-istudenti barranin jiggradwaw bejn 170,000 u 185,000 kull sena. Taħt ir-regoli attwali, huma għandhom żmien sa erba’ xhur biex jitrasferixxu għal visa oħra (bħal visa tax-xogħol) jew jiddeċiedu biex ikomplu bl-istudji tagħhom.
//= $special ?>