Budget 2020 Ekonomija Lokali

Ir-road map ekonomiku tal-Gvern kien li jkabbar il-popolazzjoni b’effetti negattivi fuq saħħitna

Il-Partit Nazzjonalista se joffri pjan sostenibbli u fit-tul

Ir-road map ekonomiku tal-Gvern kien li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni. Din in-nuqqas ta’ vizjoni wasslet għal impatt negattiv fuq il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Konġestjoni tat-traffiku, arja maħmuġa, problema bl-iskart, densità kbira u nuqqas ta’ spazji miftuħa, kirjiet għoljin, għoli fil-prezz tal-propjetà, sfreġju ambjentali, żvilupp bla pjan, pagi baxxi, cheap labour u sfruttament tal-barranin.

Dan huwa gvern li jaħseb biss short term. Il-PN se joffri pjan ekonomiku imsejjes fuq is-sostenibilità u li jqassam il-ġid b’mod ġust bejn kulħadd. Qal dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fil-Mellieħa bhala parti mill-attivitajiet li qed ifakkru il-55 anniversarju tal-Indipendenza. 

Dr Delia qal li kif ikkonfermaw iċ-ċensiment u l-Eurostat, fl-aħħar 6 snin pajjiżna esperjenza tkabbir qawwi fil-popolazzjoni, hekk kif il-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet bi 18.2% jiġifieri 76,127 persuna li kompliet iżżid id-densità qawwija ta’ pajjiżna.

Wara biss 6 snin fil-long term dan qed iħalli impatt negattiv fuq bosta setturi. Il-Gvern injora n-numru ta’ karozzi dejjem jiżdiedu fit-toroq, b’konġestjoni kbira tat-traffiku. Il-konsegwenzi huma arja maħmuġa li qed tikkawża mard respiratorju u mwiet. Il-Gvern lanqas ma qies l-effett fuq l-infrastruttura u t-trasport pubbliku.

 Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li ż-żieda fil-popolazzjoni bla pjan wasslet biex splodew il-prezzijiet tal-kirjiet, b’piżijiet kbar fuq min qed ifittex saqaf fuq rasu, u b’impatt negattiv mhux biss fuq il-ħaddiema bi dħul baxx iżda wkoll fuq il-middle class.

Dan meta l-istatistika tal-Eurostat uriet biċ-ċar li b’mod kostanti f’Malta kellna fost l-ogħla rata ta’ żidiet fil-prezzijiet tal-propjetà. Rapport tal-Eurobarometru wera kif il-Maltin u l-Għawdxin jinsabu mħassbin bil-housing, minħabba l-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-propjetà. 

Adrian Delia qal li l-mudell ekonomiku tal-Gvern wassal ukoll għal bosta proġetti bla pjan u inkonvenjent kbir maħluq minn siti ta’ kostruzzjoni. Il-PN qed jinsisti fuq pjan fit-tul, mhux l-inqas f’żoni bħal ma huwa San Pawl il-Baħar biex ikollhom pjan ċar u fit-tul ta’ xi żvilupp hemm bżonn li jsir fihom fis-snin li ġejjin.

Dan sabiex nassiguraw il-benesseri tar-residenti. Huwa qal li l-ippjanar mhux sostenibbli qed joħloq skart, li 80% minnu huwa skart tal-kostruzzjoni. Għax il-Gvern ma ppjanax issa hemm problema fejn dan jintrema’ li qed iwassal għall-abbuż kif żvelat fil-midja. Mir-rapport tal-Istat tal-Ambjent f’Malta jirriżulta li fl-2015 il-produzzjoni tal-iskart kienet fl-ogħla livell li qatt kienet u matul dik is-sena Malta pproduċiet aktar minn 16,000 tunnellata ta’ skart perikoluż u ġie rriċiklat 7% biss tal-iskart kollu.Bil-mudell ekonomiku tiegħu, l-Gvern lanqas ma qiesx l-effett li fuq il-pagi tal-ħaddiema, politika tal-Gvern li ġiet deskritta bħala taċ-cheap labour.

Dan irid jittieħed ukoll fil-kuntest tal-morsa doppja li qed jispiċċaw fiha ż-żgħażagħ u l-ħaddiema biċ-cheap labour u l-prezzijiet li dejjem jogħlew fosthom il-prodotti bażiċi u l-fuels, u aktar nies qed jispiċċaw b’inqas flus fil-but. Mudell ekonomiku li qed ikabbar il-faqar u jwassal għal sfruttament tal-barranin b’kundizzjonijiet li mhux aċċettabbli. L-istatistika tal-Eurostat uriet kif 12.8% tal-ħaddiema barranin ‘il barra mill-Unjoni Ewropea qed ikollhom jgħixu f’appartamenti ffullati. 

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se joffri pjan fit-tul u ekonomija sostenibbli li tqassam il-ġid b’mod ġust, pagi tajbin mhux cheap labour, jerġa’ jpoġġi l-ambjent fuq l-aġenda u jassigura ħajja b’dinjità lil kulħadd.