Internazzjonali

Is-separatisti Katalani għadhom impenjati għall-indipendenza minn Spanja

Il-mexxejja separatisti ta’ Katalonja qalu li l-indipendenza tar-reġjun minn Spanja ‘għadu u jibqa’ l-għan ewlieni u li referendum ieħor mhux awtorizzat ( għall-indipendenza) jibqa’ ‘għażla fuq il-mejda’.

Il-messaġġ wasal waqt li s-sostenituri tas-separatisti kienu qed iħejju għall-marċ annwali tallum li jissimbolizza l-impenn għan-nazzjonaliżmu Katalan.

L-ispinta għall-indipendenza tal-Katalonja ilha s-snin fattur tal-politika fi Spanja. Intant, l-osservaturi jemmnu li ‘dan hu perjodu ta’ żmien sinifikanti’ għas-separatisti meta l-politika fuq livell nazzjonali għaddejja minn żmenijiet imqallbin partikulari.

Il-marċijiet kbar annwali fil-jum kommemorattiv (11 ta’ Settembru) tar-reġjun ta’ Katalonja ilhom għaddejjin mill-2012 u huma magħrufa bħala ‘Diada’.

Il-konkorrenza tan-nies u l-messaġġ li joħroġ mill-avveniment ta’ din is-sena għandhom jitqiesu bħala ‘il-barometru’ dwar is-saħħa tal-moviment separatista. Dan qabel toħroġ deċiżjoni tal-qorti marbuta mad-dikjarazzjoni tal-2017 għal ‘Katalonja indipendenti’ u li ma damitx wisq effettiva.

Sadanittant, tnax il-mexxejja Katalani (li disa’ minnhom qed jinżammu l-ħabs) qegħdin jistennew il-verdett tal-qorti rigward sehemhom ‘f’rewwixta’ u fil-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi konnessa mar-referendum tal-2017 għall-indipendenza ta’ Katalonja. Huma qed iwieġbu wkoll dwar ‘id-dikjarazzjoni qarrieqa’ ta’ wara r-referendum.