Lokali

Iż-żgħażagħ jitolbu stat ta’ emerġenza dwar il-klima

Jitlaqqa’ għal darb’oħra l-Parlament Nazzjonali taż-żgħażagħ

Ritratti: Matthew Tabone

Fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-kriżi ambjentali preżnti f’pajjiżna, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ talab sabiex il-pajjiż jiddikjara stat ta’ emerġenza għat-tibdil fil-klima f’pajjiżna. It-talba saret meta tlaqqa’ mill-ġdid il-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ organizzat mill-KNŻ.

Iż-żgħażagħ iddiskutew fost l-oħrajn l-ambjent, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-kultura u l-innovazzjoni f’Malta u soluzzjonijiet possibbli kif ukoll iż-żgħażagħ fid-dinja tax-xogħol. Id-diffikultajiet relatati mal-immigrazzjoni, kien suġġett ieħor diskuss, anke fl-isfond tal-importanza lejn il-protezzjoni umanitarja.

Karl Gouder, David Agius u Ryan Callus

David Agius, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għar-Risorzi u l-Enerġija Sostenibbli appella biex ikun hemm ir-rispett lejn xulxin fil-kamra tal-Parlament u tenna li l-politika hija tajba għax permezz tagħna twettaq il-ġid. Huwa qal li l-politika hija kerha jekk il-politiċi jsiru politikanti, u jinħakmu mill-korruzzjoni u mir-reba għall-interess tagħhom.

Huwa qal li l-Parlament huwa miftuħ għal kulħadd, u ħeġġeġ lil dawn iż-żgħażagħ biex jibqgħu involuti u jibqgħu jissieltu għal l-valuri li bħala nazzjon aħna nemmnu fihom. 

Karl Gouder il-Kelliem dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali min-naħa tiegħu faħħar l-interess ta’ dawn iż-żgħażagħ fil-Parlament taż-Żgħażagħ. Huwa qal li hemm bżonn li l-politiċi nisimgħu liż-żgħażagħ. Huwa qal li l-politika hija l-akbar għodda b’saħħitha li teżżiżti għax permezz tagħha tista’ tbiddel ħajjet il-poplu għall-aħjar.

Ryan Callus, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Obeżità fejn tkellem fost l-oħrajn dwar l-iżvilupp sostenibbli. Huwa qal li Malta trid timxi id f’id mal-avvanz teknoloġiku dinji, għax jekk dan ma jsirx, Malta se tinqata’ lura u tbati r-riperkussjonijiet. 

Ivan Bartolo

Huwa qal li l-PN ilu jinsisti li f’kull ġurnata tal-iskola ikun hemm minimu ta’ nofsiegħa kuljum ta’ lezzjonijiet tal-PE.

Tkellem ukoll Ivan Bartolo, kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar qal li ż-żgħażagħ tal-lum il-ġurnata għandhom potenzjal kollu li jbiddlu lil Malta għal aħjar. Huwa qal li bħala Maltin għandna nagħmlu l-almu tagħna li nħarsu lil pajjiżna.

Is-Seduta tmexxiet minn Claudette Buttigieg, Deputat Speaker tal-Parlament.


Claudette Buttigieg, Deputat Speaker tal-Parlament.