Lokali

“Jeħtieg li ningħaqdu biex negħlbu l-isfida tat-tibdil fil-klima” – Team Start PN

Fi stqarrija, il-fergħa Teamstart stqarrew li “aħna ż-żgħażagħ jeħtieġ li ningħaqdu fi front wieħed sabiex negħlbu l-isfida tat-tibdil fil-klima. Meta ż-żgħażagħ ingħaqdu fi front wieħed, dejjem wasslu lill-pajjiż fejn emmnu li għandu jasal. Hekk ġara dwar il-Vot 16 u fil-qasam tad-drittijiet civili u llum il-ġurnata qegħdin naffaċċjaw sitwazzjoni oħra fejn iż-żgħażagħ jeħtieġ jaġixxu biex ikunu  l-katalisti tal-bidla.”

“Għaldaqstant b’sodisfazzjon, Team Start PN jilqa’ t-talba urġenti li saret matul is-seduta annwali tal-Parlament taż-Żgħażagħ mill-KNŻ sabiex il-Parlament Malti jiddikjara stat ta’ emerġenza nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima. Team Start jemmen li jekk din l-inizjattiva tiġi milqugħa mill-Parlament, inkunu qegħdin naghmlu pass konkret ‘il quddiem sabiex bħala nazzjon naffaċċjaw kriżi li sal-lum ftit li xejn ittieħdu passi konkreti dwarha.”

“Rapporti, figuri u statistika juruna bil-provi li quddiemna għandna krizi, iżda xejn ma jiswa jekk ma jittieħdux il-miżuri konkreti minn kull settur tas-soċjetà biex din l-isfida negħlbuha. Team Start ħa sensiela ta’ inizjattivi sabiex nqajmu kuxjenza dwar l-importanza tal-ambjent, u beħsiebna nkomplu b’aktar ħidma favur it-tisħiħ ambjentali.”