Raġel ta’ 40 sena mir-Rabat tressaq il-Qorti, quddiem il-Maġistrat Paul Coppini.
Huwa ġie akkużat li nhar id-9 ta’ Settembru u f’diversi ġranet u ġimgħat qabel, ġewwa r-Rabat, Għawdex, ta fastidju lil mara ta’ 22 sena, ikkaġuna biża’ fuq l-istess persuna li ser tintuża vjolenza fuqha u aktar talli heddidha permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni (mobile phone), fost akkużi oħra.
L-imputat ġie akkużat ukoll li fit-30 ta’ Awwissu 2019, ġewwa ħanut fi Triq ir-Repubblika, ir-Rabat, Għawdex, seraq mobile phone għad-dannu tal-istess mara u kif ukoll ikkommetta attentat għall-pudur tagħha, fost oħrajn.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet tal-Qorti. Il-Qorti ħarġet ukoll Ordni ta’ Protezzjoni favur il-mara ta’ 22 sena.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Josef Gauci u Bernard C. Spiteri.
//= $special ?>