Edukazzjoni Lokali

“Kriżi” li trid tiġi solvuta mill-aktar fis – il-Fakultà tal-Edukazzjoni

Il-Fakultà appellat għal rispett u tat numru ta’ alternattivi li jistgħu jiġu implimentati għall-futur

Konferma oħra li ftit tal-jiem qabel tibda sena skolastika ġdida u baqa’ n-nuqqas ta’ għalliema.

Il-Fakultà tal-Edukazzjoni sostniet li hawn “kriżi” ta’ nuqqas ta’ għalliema u li l-awtoritajiet għandhom jagħmlu inizjattivi fuq bażi long-term biex tissolva din il-problema.

Il-Fakultà qalet dan permezz ta’ stqarrija fejn fiha tenniet li dawk li qed jistudjaw għal għalliema għandhom ikollhom allokati aktar flus bħala forma ta’ stipendju  u kif ukoll għandha ssir ħidma nazzjonali biex l-għalliema u dawk li jaħdmu fis-settur edukattiv ikollhom salarji aħjar.

Sar appell ukoll biex il-professjoni tal-għalliema tiġi apprezzata u mħarsa għax wara kollox il-vokazzjoni ta’ għalliem tħares u trawwem il-ġenerazzjonijiet futuri.

Fl-aħħar jiem Evarist Bartolo, il-Ministru tal-Edukazzjoni wettaq u-turn fejn l-ewwel sostna li m’hawnx nuqqas ta’ għalliema iżda f’inqas minn tlett ijiem wara qal li issa se jkollu jdur fuq l-għalliema barranin.

Evarist Bartolo kien ikkonferma li għaddejjin taħdidiet biex jiġu impjegati għalliema barranin. Dan minħabba n-nuqqas kbir ta’ għalliema li ilu jippersiti f’pajjiżna għal dawn l-aħħar snin.

L-MUT ilha xhur sħaħ tinsisti li fl-iskejjel hemm nuqqas kbir u nkwetanti ta’ għalliema u LSEs. Dan hekk kif fi ftit ġranet oħra tibda sena skolastika ġdida, li magħha bla dubju ġġib sfidi kbar fuq l-għalliema.

Il-union tal-għalliema tinsisti li biex tibda tiġi indirizzata l-problema, jeħtieġ li jiġu mwettqa il-ħafna proposti li għamlet hi stess li bħalissa hemm diskussjoni dwarhom li jinkludu fost l-oħrajn bidla fil-korsijiet, titjib kontinwu fil-kundizzjonijiet tax-xogħol inkluż l-aspetti finanzjarji, inċentivi fl-ingaġġ u miżuri ta’ protezzjoni fost l-oħrajn.