Minkejja li d-demm jingħata b’xejn mingħand id-donaturi, il-proċess kollu jiswa’ madwar €160 għal kull borża – investiment li huwa kruċjali partikolarment għall-pazjenti tal-kanċer, fost oħrajn.
L-Erbgħa filgħodu l-Presidenti ta’ Malta George Vella żar iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ġewwa Gwardamangia fejn iltaqa’ mal-ħaddiema u ntwera l-proċess kollu biex jittieħed id-demm.
Matul is-sena li għaddiet madwar 22,000 persuna f’pajjiżna urew ix-xewqa li jgħatu d-demm iżda sfortunatament 5,000 minnhom ma setawx minħabba xi raġuni jew oħra. B’hekk, matul l-2018 kienu 17,000 il-persuni li kienu donaturi.
Fil-ġimgħat u xhur li ġejjin diversi persuni oħra se jingħataw iċ-ċans li jkunu donaturi hekk kif se jkun introdott proċess ġdid. Dan il-proċess se jwassal biex uħud mill-mard li jinstab fid-demm se jkun qed jiġi eliminat u b’hekk dawk li jirċievu d-demm ikunu siguri.
Fl-aħħar taż-żjara fiċ-Ċentru tat-Trasfuzjoni tad-Demm, il-President ta’ Malta George Vella rringrazzja lill-istaff għax-xogħol u d-dedikazzjoni tagħhom. Hu rrikonoxxa l-fatt li dan il-proċess hu katina hekk kif kollox jimxi flimkien. U dan sakemm id-demm jasal għand min għandu verament bżonnu.
Wara li dar iċ-Ċentru, il-President ta’ Malta mar fuq żjara privata ġewwa l-Isptar Mater Dei fejn dar il-laboratorji u ra kif il-proċess ikompli u jasal fi tmiemu hemmhekk.
//= $special ?>