Futbol Sport

L-Ingilterra tegħleb l-isfida tal-Kosovo u tibqa’ b’punti massimi fi Grupp A

(Ritratt: EPA)

Il-mixja tal-Ingilterra lejn il-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew kompliet toqrob lejn il-konferma hekk kif għelbu l-isfida tal-Kosovo 5-3 f’logħba li l-Ingliżi żgur xtaqu li jirbħuha b’mod differenti. B’hekk huma rebħu l-erba’ logħbiet tagħhom filwaqt li taw l-ewwel telfa Kosovo wara ħames logħbiet.

Valon Berisha kien ta l-vantaġġ lil Kosovo wara 35 sekonda iżda wieġbu immedjatament u ġabu d-draw seba’ minuti wara permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Raheem Sterling. Dan il-gowl ispira lit-tim Ingliż li b’Harry Kane jpoġġi lit-tim ta’ Gareth Southgate minn fuq fid-19-il minuta. L-iskor sar 3-1 fit-38 minuta b’awto-gowl ta’ Mergim Vojvoda, b’Jadon Sancho jiskorja l-ewwel żewġ gowls tiegħu mat-tim Ingliż qabel tmiem l-ewwel taqsima.

Iżda l-Kosovo ma kinitx għadha spiċċat hekk kif dehru determinati li jagħmlu reazzjoni fit-tieni taqsima u fid-49 minuta naqqsu d-distakk minn Berisha biex Vedat Muriqi skorjaw minn penalty fil-55 minuta u fetaħ il-logħba. Harry Kane kellu penalty salvat minn Arijanet Muric fil-65 minuta u ftit wara Sterling laqat il-lasta. Il-Kosovo baqgħet tissielet u lejn it-tmiem Bersant Celina għadda qrib li jagħmlu l-iskor 5-4. Minkejja din it-telfa, il-Kosovo tinsab b’ċans tajjeb li għall-ewwel darba tikkwalifika għall-Kampjonat Ewropew.

Minn Grupp B, il-Portugall kisbet rebħa faċli barra minn darha kontra l-Litwanja 5-1, b’Cristiano Ronaldo jiskorja l-54 tripletta fil-karriera qabel żied ieħor. L-attakkant fetaħ l-iskor minn penalty fis-seba’ minuti iżda seba’ minuti wara Vyutas Andriuskevicius ġab id-draw. Ronaldo spikka bejn it-62 minuta u s-76 minuta meta skorja tripletta li kienet it-tmien waħda mat-tim nazzjonali. Hu skorja erba’ gowls mal-Portugall għall-ewwel darba wara tliet snin, b’Ronaldo tella’ t-total tiegħu għal 93 gowl ma’ pajjiżu. William Carvalho ssiġilla r-rebħa fid-90 minuta.

Fi Grupp H tispikka r-rebħa ta’ Franza li kif mistenni rebħet 3-0 kontra Andorra. Kinglsey Coman reġa’ spikka hekk kif wara li skorja doppjetta fir-rebħa ta’ 4-1 kontra l-Albanija s-Sibt li għadda. Ilbieraħ hu fetaħ l-iskor fit-18-il minuta qabel laqat il-lasta fit-tieni taqsima. Antoine Griezmann falla penalty fit-28 minuta. Clement Lenglet irdoppja fit-52 minuta b’Wissam Ben Yedder jagħlaq il-logħba fid-90 minuta.

Riżultati kollha

Grupp A: Ingilterra v Kosovo 5-3, Montenegro v Repubblika Ċeka 0-3

Grupp B: Litwanja v Portugall 1-5, Lussemburgu v Serbja 1-3

Grupp H: Albanija v Iżlanda 4-2, Franza v Andorra 3-0, Moldova v Turkija 0-4