Internazzjonali

L-Iran iħeġġeġ biex l-Istati Uniti titbiegħed ‘minn min jippromowvi l-aggressjoni’

It-tmexxija tal-Iran qalet li l-Istati Uniti teħtieġ iżżomm distanza minn uffiċjali ‘li jħeġġu u jinkoraġġixxu l-gwerer kontra Stati oħrajn’. Dan wara r-riżenja ta’ John Bolton minn Konsulent dwar is-Sigurtà Nazzjonali għall-President Amerikan Donald Trump.

Madankollu, ir-reġim f’Tehran qed jinsisti bid-domanda li l-Istati Uniti twarrab is-sanzjonijiet għall-Iran qabel jistgħu jsiru t-taħditiet ma’ Washington.

It-tluq ta’ Bolton – li kellu fehmiet politiċi riġidi rigward ċerti aspetti tal-politika barranija – qajjem prospett ta’ inizjattivi ‘lejn bidu ġdid ta’ negozjati (tal-Istati Uniti) mal-Iran’ wara aktar minn sena ta’ tensjoni qawwija bejn l-Istati rivali. Dan meta Bolton kien fost l-aktar uffiċjali li insistew ‘b’linja ta’ politika iebsa’ fil-konfront tal-Iran.

Intant, is-sorsi tal-aħbarijiet Iranjani kwotaw lill-President Iranjan, Hassan Rouhani, fis-sens li l-Istati Uniti għandha tiddisassoċja ruħha mill-persuni li jħeġġu ‘l-aggressjoni fil-konfront ta’ pajjiż ieħor’. Il-messaġġ ta’ Rouhani ma għamilx referenza għal John Bolton – iżda hu għamilha ċara li ‘il-politika tar-reżistenza tal-Iran mgħandhiex tinbidel dment li l-għadu (l-Istati Uniti) ikompli jwettaq il-pressjoni fuq il-poplu Iranjan’.

L-Istati Uniti, is-sena l-oħra, irtirat mill-ftehim nukleari storiku li l-Iran kien laħaq, fl-2015, mal-potenzi tad-dinja. Permezz ta’ dan il-patt, l-Iran kien aċċetta l-kontrolli għall-programm nukleari tiegħu, bil-patt li jkollu aċċess għall-kummerċ dinji.

Intant, l-Amerikani komplew il-politika ta’ ‘pressjoni massima’ fuq l-Iran, li tinkludi sanzjonijiet biex tieqaf l-esportazzjoni taż-żejt kollu mill-pajjiż Iżlamiku. Dan bil-għan li l-Iranjani jaqblu li jinnegozjaw ftehim ġdid li għandu jkun ‘aktar iebes’ għalihom.

Madankollu – u wara l-konferma tat-tluq ta’ John Bolton – is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, qal li l-President Trump għandu jiltaqa’, ‘mingħajr il-kundizzjonijiet minn qabel’, mal-President Rouhani, matul il-laqgħa li jmiss tan-Nazzjonijiet Uniti.