Lokali

Maltija tmut waqt vaganza fl-Italja; kienet qed tiżfen u tiddeverti ma’ sħabha

Maltija ta’ 58 sena mietet għall-għarrieda waqt li lbieraħ filgħaxija kienet f’ristorant fir-raħal ta’ Ortezzano l-Italja – aħbar traġika li ħasdet lil bosta, bil-vittma tiġi identifikata bħala Anna Pace.

Il-mara mis-Swieqi kienet għal btala ma’ żewġha, oħtha u għadd ta’ Maltin li kienu ilhom mill-5 ta’ Settembru jżuru diversi rħula żgħar fir-reġjun tal-Marche.

Il-media Taljana qed tirrapporta li l-każ seħħ meta l-Maltin kienu qed jieklu u jiddevertu flimkien għall-ħabta tad-9:30pm. F’waqt minnhom, il-qraba ta’ Pace nnutaw lill-mara tinġibed lura u taqa’ fl-art. Minnufih issejħet ambulanza u tim mediku, iżda hi ġiet iċċertifikata mejta fil-post.

Fuq Facebook, it-tifla ta’ Anna Pace qalet li l-ħajja tal-familja tagħha qatt mhu se tkun l-istess wara din it-traġedja.

Il-katavru tagħha ttieħed fl-isptar ta’ Fermo u mistenni jinġieb Malta fis-sigħat li ġejjin.

Il-post tat-tifla ta’ Anna Pace