Futbol Sport

Meta kont iżgħar għenuni u issa jien irrid ngħin lin-nies – Roberto Carlos

(Ritratt: Matthew Tabone)

L-eks difensur internazzjonali Brażiljan Roberto Carlos wassal messaġġ sensittiv hekk kif kien il-mistieden ewlieni ta’ Puttinu Cares wara kollaborazzjoni bejn il-Malta Football Association u l-kumpanija Lucky.io. Fl-indirizz tiegħu, Roberto Carlos qal li “kull pajjiż irid ikollu struttura u li tkun importanti għaliex tkun tista’ tgħin lil diversi tfal.” Hu saħaq dwar il-kuntentizza tiegħu li hu ambaxxatur għal din il-kawża ġusta u żied li jixtieq li jerġa’ jżur pajjiżna, f’dik li hi l-ewwel dehra tiegħu.

“Irrid inkompli nagħmel dan u ngħin lid-dinja. Meta kont iżgħar in-nies għenuni u issa jien irrid nagħmel l-istess lin-nies fil-bżonn.” Mistoqsi minn In-Nazzjon x’jista’ jagħmel il-futbol illum fi sfond ta’ diversi flejjes fit-trasferimenti, l-eks plejer ta’ Real Madrid qal li l-President tal-FIFA Gianni Infantino qed jagħtu ħafna fondi għal dan l-aspett u kompla li l-assoċjazzjoni qed tissepara sezzjoni ta’ flus lil kull assoċjazzjoni biex tgħin u tiżviluppa dan is-settur.

Roberto Carlos kien meqjus bħala l-aqwa difensur xellugi fil-perjodu tiegħu. Jispikka l-aktar iż-żmien li għamel ma’ Real Madrid bejn l-1996 u l-2007. Fost l-unuri li rebaħ, jispikkaw l-erba’ kampjonati Spanjoli u l-UEFA Champions League għal tliet darbiet.

Mat-tim nazzjonali Brażiljan hu lagħab bejn l-1992 u l-2006 b’total ta’ 11-il gowl f’125 logħba. Jispikka l-aktar il-gowl li skorja kontra Franza fl-1997 bi free-kick li dawwar fuq in-naħa ta’ barra. Mistoqsi fuq dan il-gowl, Carlos qal li dak il-gowl wasal wara ħafna prattika u b’umiltà ammetta li għenu xi ftit ir-riħ ukoll. Iżda hu jqis li l-aqwa gowl li qatt skorja kien ma’ Real Madrid kontra Tenerife.

Fost il-kelliema, is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti qal li din saret tradizzjoni li l-assoċjazzjoni tkun involuta fil-maratona ta’ Puttinu Cares. Hu semma l-eżempju taċ-ċkejken Kane Debattista li mmobilizza pajjiż sħiħ sempliċiment għax kien iħobb il-futbol. Chetcuti kompla li llum kważi kull familja misset ma’ Puttinu u żied li ma jistax jirringrazzja biżżejjed il-ħidma li diversi nies jagħmlu ma’ dawn it-tfal.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Lucky.io Halvor Dahl qal li hu qed iħarsu lejn l-industrija b’mod differenti u għamel referenza għall-ħidma soċjali tagħhom. Hu xebbah il-karriera ta’ Roberto Carlos mal-ħidma tagħhom hekk kif qal li fil-futbol l-importanti mhux kif jintlaħqu l-miri iżda r-riżultat finali.

Wara l-konferenza stampa, Roberto Carlos sab iċ-ċans li jieħu r-ritratti u jagħti l-firma tiegħu lil diversi nies. Hu lagħab ukoll ma’ uħud mit-tfal li kienu preżenti, fosthom pazjenti ta’ Puttinu. Il-maratona ta’ Puttinu ssir bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd fejn jinġabru fondi għal tfal fil-bżonn.