Sport Waterpolo

FILMAT: Nikolai Zammit b’għan li jilħaq livelli għolja fl-isport li tant iħobb

Nikolai Zammit, iż-żagħżugħ ta’ 18-il sena li sploda fit-tim ta’ Neptunes matul dan is-sajf. Zammit kiber bħala plejer aktar ma beda jgħaddi logħob, tant li kien fdat aktar mill-kowċ tat-tim Jovan Popovic.

Zammit beda jibda jkun imsejjaħ fl-iskwadra ta’ Neptunes fil-kampjonat tas-sajf ta’ sentejn ilu. Sussegwentament hu kellu aktar minuti fl-ewwel edizzjoni tal-Enemed Cup fejn anki sab ix-xibka kontra Exiles, Valletta u Sirens. Fil-Kampjonat tax-Xitwa tas-sena l-oħra, Zammit sab ix-xibka ħames darbiet u fl-istaġun tas-sajf tas-sena l-oħra, hu skorja darbtejn kontra Exiles u Sliema.

Il-plejer ta’ Neptunes kompla juri aktar titjib u fl-edizzjoni ta’ din is-sena beda jkun aktar regolari, tant li skorja 15-il gowl fl-Enemed Cup u 13-il gowl ieħor fil-Kampjonat tax-xitwa għal total ta’ 28 gowl fi 15-il logħba. Ma’ Man Up+, Zammit jitkellem dwar ir-responsabbiltà li għandu u kif daħal fit-tim ta’ Neptunes.

Il-kowċ ta’ Neptunes Jovan Popovic faħħar l-abbiltà tax-xutt ta’ Nikolai iżda fl-istess ħin jgħid li għadu żgħir u għalhekk iridu jkomplu jaħdmu fuqu biex isir plejer li jkun tajjeb ħafna għat-tim nazzjonali Malti. Fuq in-naħa l-oħra, l-assistent kowċ tat-tim nazzjonali Anthony Farrugia kkonferma li Zammit hu plejer promettenti għaliex kien plejer li f’kull kategorija rebaħ u kien wieħed mill-aqwa plejers.

(Ritratt: Matthew Tabone)

L-opinjoni dwar il-plejers barranin

Bl-inklużjoni taż-żewġ barranin, ħafna forsi setgħu jaħsbu li żagħżugħ bħal Nikolai mhux ser ikollu l-ispazju. Iżda mhux talli hekk, talli aktar ma għaddew logħob, aktar beda jilgħab. Hu spiċċa anki jibda jkun magħżul mal-ewwel sebgħa tat-tim u għalaq dan l-istaġun b’25 gowl fl-età ta’ 18-il sena. Nikolai Zammit, jippreferi bi plejer barrani jew aħjar bi tnejn?

“Tqila biex tilgħab ma’ Neptunes bħalma kulħadd jaf, issa b’żewġ barranin aktar u aktar. Qatt ma immaġinajt li nibda mal-ewwel sebgħa tat-tim imma naħseb tani ċ-ċans il-kowċ u urejtu x’nista’ nagħti għat-tim jiena. B’wieħed iktar ikollna ċans nilagħbu aħna ż-żgħar, imma bi tnejn għandek fejn titgħallem u Stevie ilu ħafna jittrenja barra u Jordan tela’ wkoll u titgħallem minnhom ukoll u aħjar għaliha għax nimpruvja mal-barranin.”

(Ritratt: Trevor Sollars)

L-irwol ta’ Nikolai ma’ Neptunes

Nikolai Zammit għandu l-fortuna li ma’ Neptunes lagħab ma’ plejers Maltin stabbiliti bħal Stevie u Jordan Camilleri, Alan Borg Cole u l-captain Niki Lanzon, biż-żagħżugħ ta’ Neptunes jerfa’ kliem sbieħ fil-konfront ta’ Lanzon li lagħab l-aħħar logħba fil-karriera s-Sibt li għadda. “Niki Lanzon dejjem għeni, captain u tieħu gost ukoll tilgħab miegħu issa li ħa jieqaf din is-sena l-klabb mhux se jkun l-istess mingħajru għax tagħmel żball u jgħidlek tikkalma, jgħidlek x’għamilt ħażin, vera plejer u raġel sew.”

Zammit jispikka wkoll minħabba li hu xellugi, u għalhekk il-pożizzjoni naturali tiegħu hi dik fuq in-naħa leminija tal-pitch. Ħafna jgħidu li għandu vantaġġ minħabba n-nuqqas ta’ xellugin iżda hu wieġeb li hu jitħarreġ daqs l-oħrajn u mhix aktar faċli għalih, għalkemm jistqarr li hu tajjeb li hu xellugi. Anthony Farrugia jagħmel referenza li Neptunes kienu ilhom biex isibu xellugi minn meta spiċċa Michele Stellini. Hu qal li Neptunes sabu lil Nikolai f’dik il-pożizzjoni u saħaq li jilgħab mhux għax xellugi iżda għaliex hu xellugi tajjeb.”

Ċertu żgħażagħ li jkun qed jilagħbu regolarment mat-tim tagħhom, jistgħu jaraw lil sħabhom b’ċertu superjorità meta jilagħbu fil-kategoriji tagħhom, iżda bl-akbar umiltà, Zammit jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar dan il-fatt. “Dejjem ppruvajt ngħin lil ħbieb anki maż-żgħar, nipprova nkun peress li nilgħab mal-kbar u drajt issa, nipprova nkun bħala eżempju tagħhom imma minix livell ħafna ‘l fuq minnhom, nista’ ngħin lilhom u huma jgħinu lili wkoll għax huwa sport ta’ tim. Jekk jien ħa nidher tajjeb ħabba fihom ukoll mhux kollox waħdi.”

Anthony Farrugia qal li l-aħjar kwalità ta’ Nikolai hu x-xutt iżda mhux din il-kwalità biss għandu. “Mhux shot biss għandu għax inti waterpolo bix-shot biss, imma għandu saqajh, għandu l-iswing tax-shot hija tajba ħafna. Jinżel jiddefendi għandu ħafna kwalitajiet, jiġifieri li jekk jibqa’ sejjer f’din il-vena, il-klabb tan-Neptunes u n-nazzjonal ħa jieħdu ħafna minnu.”

(Ritratt: Trevor Sollars)

L-influwenza li ħalla missieru fuqu

Nikolai hu iben il-veteran Charlie Zammit magħruf bħala ż-żiemel, plejer li għadu juri l-kwalitajiet tiegħu saħansitra sa dan is-sajf stess. Charlie Zammit kaxkar l-unuri fl-aħjar żmien tal-karriera tiegħu u żgur li ibnu qed jimmira biex jikseb is-suċċessi kif wara kollox diġà beda jagħmel.

L-influwenza ta’ missieru ressqet lil Nikolai biex jiddeċiedi li l-isport tiegħu hu l-waterpolo u mhux il-futbol li kien jilgħab qabel. L-istess Nikolai, iħares biex fil-karriera tiegħu jilħaq il-livelli ta’ missieru. “Kull ħaġa li nagħmel, nagħmel biex nipprova nkun tajjeb daqs missieri imma hu wara kull logħba jgħidli x’għamilt ħażin, qatt ma jgħidli t-tajjeb, dejjem il-ħażin għax b’dak titjieb.”

Farrugia jagħmel referenza għall-istorja tal-familja tiegħu.“Apparti li kollha kienu fin-nazzjonal u ħadu l-unuri ma’ kull klabbm għandhom demm Belti li trid tirbaħ, jiġifieri dik tagħti boost li apparti li l-familja, iz-zijiet, il-kuġini, għandhom lil Dino Zammit kuġin, ħa l-unuri wkoll bħal missieru ma’ San Ġiljan, mas-Sirens, Charlie ma’ Marsaskala, l-uniku league ħa magħhom, Sliema, Sirens, Joseph, jiġifieri l-kwalità ta’ Zammit, fil-waterpolo mill-80’s l’hawn hija naħseb waħda b’saħħitha ħafna.”

(Ritratt: Matthew Tabone)

Il-mira ta’ karriera professjonali

Forsi kuntrarju għal żgħażagħ oħra tamparu, Nikolai Zammit jinsab aktar ikkonċentrat fuq il-waterpolo milli fuq l-aspett akkademiku, b’mira li jsir plejer professjonali. “Dis-sena wkoll ħa nipprova nsib tim biex nilgħab barra, issa ili tliet snin, u għax hekk nixtieq jiena, inħobbu ħafna l-waterpolo, diffiċli biex tmur tilgħab barra għax avolja timmisjaha lil Malta, imma għall-karriera tiegħi tagħmilli tajjeb ħafna.”

Fl-aħħar snin, ix-xellugi ta’ Neptunes, kellu esperjenzi barra minn xtutna fil-Montenegro ma’ Jadran kif ukoll tħarreġ fis-Serbja, proprju mal-istess kowċ ta’ Neptunes Jovan Popovic.

Il-mira ta’ Nikolai Zammit hi li jkun plejer professjonali tal-waterpolo u l-progress li wera fl-aħħar xhur, ġibed anki l-attenzjoni tal-kowċ nazzjonali Karl Izzo biex qed ikun ikkunsidrat li jissejjaħ fl-iskwadra nazzjonali. Zammit hu plejer li jaf xi jrid u qed jaħdem bla waqfien biex jilħaq livelli għolja fl-isport li jħobb. Dan għalkemm hu konxju li biex isir plejer professjonali hu diffiċli, iżda d-determinazzjoni tiegħu li jirnexxi, tista’ tagħmlu stilla tal-futur.

Din l-intervista hi bbażata fuq is-servizz Stilel tal-Futur li jixxandar waqt il-programm Man Up+ fuq Net Television. Il-programm sħiħ tistgħu ssegwuh fuq Net on Demand https://netondemand.mt/play/3193

Tags