Norveġiż ta’ 43 sena residenti Kerċem, tressaq il-Qorti t’Għawdex, quddiem il-Maġistrat Paul Coppini.
Huwa ġie akkużat li nhar is-16 ta’ Awwissu 2019 għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu fi Triq l-Imġarr Għajnsielem, Għawdex, saq vettura b’mod traskurat, perikoluż u negliġenti u kkaġuna l-mewt ta’ mara ta’ 41 sena, Ivy Evison, residenti s-Swieqi li mietet madwar ġimgħatejn ilu, u talli fl-istess data, ħin, lok u ċirkostanzi kkaġuna ġrieħi gravi fuq Amerikan ta’ 47 sena residenti s-Swieqi, fuq Ġermaniż ta’ 51 sena residenti x-Xagħra Għawdex u fuq żewġ subien ta’ 9 snin u 14-il sena residenti n-Nadur Għawdex.
Huwa ġie akkużat ukoll talli kkaġuna ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq mara mill-Kanada ta’ 45 sena, fuq tifel ta’ 12-il sena u fuq raġel ta’ 36 sena residenti n-Nadur Għawdex minħabba li saq b’mod negligenti, traskurat u perikoluz.
In-Norveġiż ġie akkużat ukoll talli saq taħt l-effett tax-xorb, u talli qabeż il-limitu ta’ veloċita’ kif tippermetti l-ligi u talli kkawża ħsarat fuq vettura oħra għad-danni ta’ terza persuna. L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet tal-Qorti.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur J. Gauci.
//= $special ?>