Lokali Qorti

Raġel li hedded lil Roberta Metsola fuq il-midja soċjali jiskuża ruħu fil-Qorti

Raġel li hedded lill-Membru Parlamentari Ewropej f’isem il-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola skuża ruħu fil-Qorti u qal li ma kienitx l-intenzjoni tiegħu li jagħmel ħsara lil xi ħadd.

Josef Farrugia kien tefa’ post fuq Facebook fejn kien qal li Metsola aħjar toqgħod attenta, għax inkella tista’ tispiċċa assasinata bħal ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Huwa kien kiteb,”Toqghod attenta ghax bhal galizzja tisspica (sic).”
Minn dak inhar tal-inċident Farrugia neħħa l-account tiegħu ta’ Facebook u skuża ruħu fil-Qorti. “Qatt ma kienet l-intenzjoni tiegħi li nagħmel ħsara lil xi ħadd jew li nxewwex bi skop li ssir vjolenza fuq Roberta Metsola,” huwa qal, u mmedjatament wieġeb ħati tal-akkuża li bl-aġir tiegħu kkawża biża fuq ħaddieħor u li ta fastidju fuq il-midja soċjali.

“Filwaqt li l-Qorti tifhem li kulħadd għandu dritt jesprimi ruħu, ħadd ma jista’ jħossu mhedded jew li jinstiga l-impressjoni li xi ħadd għandu jinqatel bl-istess mod ta’ kif inqatlet Daphne Caruana Galizia, qal il-Maġistrat Joe Mifsud li ppresieda l-każ.

“Daphne Caruana Galizia qatt ma messha spiċċat b’dan il-mod. Ħalliet vojt kbir fil-familja tagħha li qed iħossu n-nuqqas tagħha u dan l-inċident ħalla teba’ fuq in-nazzjon,” kompla jgħid il-Maġistrat Mifsud.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront ta’ Roberta Metsola għall-perjodu ta’ ħames snin, filwaqt li Farrugia ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jikkommettiex reat ieħor fuq perjodu ta’ tliet snin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Scerri filwaqt li l-Avukat Angele Formosa deheret għall-akkużat.