Raġel ġie kundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn wara li fajjar daqqa ta’ ponn f’għajnejn raġel ieħor li kien qed jilgħab logħba futbol ‘five-a-side’. L-Ispettur Tony Cachia rrakkonta kif lura fl-2010, l-akkużat, ta’ 35 sena, kien fil-grawnd tal-Hockey li jinsab f’Ħal Qormi waqt partita futbol ma’ sħabu meta l-logħba saret nervuża u ‘sħuna’.
Il-vittma xehed fil-Qorti fejn qal li waqt il-partita, l-akkużat kien qed jagħtih bil-minkeb il-ħin kollu, sakemm f’ħin minnhom mingħajr ma ġie pprovokat, l-akkużat mar fuqu minn naħa l-oħra tal-grawnd u tah daqqa ta’ ponn.
L-ispeċjalista tal-għajnejn Martin Francalanza pprovda lill-Qorti dokumenti mediċi li juru li l-vittma kien sofra minn fratturi minuri man-naħa tal-lemin t’għajnejh u li huwa se jkompli jsofri b’mod permanenti minn viżjoni doppja u problemi oħra fl-għajnejn.
Huwa spjega kif il-vittma ġarrab 10 fil-mija ta’ diżabilità permanenti. Xhieda oħra li kienu preżenti waqt il-logħba futbol qalu dwar kemm il-logħba kienet kompettitiva u li l-akkużat iddeċieda li jattakka lill-vittma meta dan għamel ‘tackle’ fuqu.
Skont ir-referee, l-akkużat f’ħin minnhom anke qal li jekk waqt il-partita l-vittma mhux se jżul minn nofs, kien se jifqalu għajnejh. Il-vittma kien ġie operat diversi drabi u kellu biċċa mili installata f’għajnejh minħabba l-problemi li ġarrab.
L-akkużat wieġeb mhux ħati u qal li huwa ma kien ta daqqa ta’ ponn lill-vittma iżda kien laqtu b’mod aċċidentali waqt il-partita. Il-Qorti semgħet kif l-akkużat kien qed jgħix ħajja diċenti u stabbli u kellu mpieg ‘full-time’. Huwa kien ukoll trawmatiżżat bil-mewt ta’ ommu meta kien għadu żgħir, xi ħaġa li baqgħet taffettwah sal-lum.
Il-Qorti sabet lill-akkużat ħati li ħebb għall-vittma u li kkawżalu ġrieħi gravi. Huwa ngħata sentenza sospiża bil-Prosekuzzjoni tkun immexxija mill-Ispettur Tony Cachia. Il-każ kien f’idejn il-Maġistrat Ian Farrugia.
//= $special ?>