Għat-tielet sena l-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta ser tkun qed tmexxi x-xbieha tal-qaddis permezz ta’ festa li ser tiċċelebra ġewwa Buġibba, fil-qalba ta’ post turistiku nhar is-Sibt li ġej, 14 ta’ Settembru 2019.
Fis-7.00pm ser issir quddiesa animata mill-grupp ‘Rising Sun’ max-xatt ta’ Buġibba (faċċata tal-lukanda Dolmen). Wara l-quddiesa ser issir manifestazzjoni bi statwa ta’ San Publju, akkumpanjata mill-banda li tasal sal-pjazza ta’ Buġibba fejn tingħata l-Barka Sagramentali.
Il-ġrajja ta’ San Publju tmur lura għal żmien il-miġja ta’ San Pawl f’Malta. Publju, bħala prinċep tal-gżira laqa’ għandu lil Pawlu u l-276 ruħ li ġew nawfragati fi gżiritna. Fl-Atti tal-Appostli jingħad li Pawlu fejjaq lil missier Publju li kien marid.
L-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta tgħid li l-figura ta’ Publju hi pjuttost waħda siekta iżda fil-ftit vrus tal-Atti naraw ir-relevanza kbira li dan il-personaġġ għandu għal żmienna speċjalment quddiem sitwazzjonijiet etiċi u morali marbuta mal-ħajja, mal-immigrazzjoni u tmexxijja, fil-fatt Publju, il-prinċep Malti u aktar tard l-ewwel ragħaj nisrani f’pajjiżna jirrapreżenta t-tmexxija ċivili u spiritwali ta’ Malta.
L-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta hi għaqda volontarja li twaqqfet bil-għan li żżomm ħaj il-kult u d-devozzjoni tal-qaddis permezz ta’ diversi inizjattivi li tieħu matul is-sena.
//= $special ?>