Lokali

Wirja li tfakkar parti mill-Istorja tal-Partit Nazzjonalista

Bħalissa fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista għaddejja wirja li tikkonsisti f’kollezzjoni ta’ dokumenti sinifikattivi pjuttost antiki fosthom ittri, oġġetti, memorabilja u ritratti b’rabta mal-ħajja ta’ Nerik u Fortunato Mizzi. Dan bħala parti mill-attivitajiet li qed jorganizza l-Partit Nazzjonalista biex ifakkar il-55 anniversarju minn meta pajjiżna sar indipendenti.

Din il-wirja qed tkun organizzata mill-Fondazzjoni f’ġieħ Fortunato u Nerik Mizzi, imwaqqfa mit-tifel ta’ Nerik Mizzi stess, Dun Fortunato Mizzi.

Il-kollezzjoni tinkludi dokumenti pjuttost antiki li jwasslu sa żmien Giorgio Mitrovich, ittri ta’ Fortunato Mizzi, ittri mill-Uganda minn Nerik Mizzi kif ukoll ittri ta’ membri oħra tal-familja Mizzi. Dawk li jżuru din il-wirja se jkollhom l-opportunità li jaraw dan kollu u aktar.

Ftit tal-ġimgħat ilu, id-dar ta’ Nerik Mizzi fil-Belt Valletta ngħatat protezzjoni mill-iżvilupp billi ġiet skedata mill-Awtorità tal-Ippjanar. Minn hawn tkompli l-ħidma u l-ħolma ta’ Richard Muscat u ta’ ħafna nies oħra sabiex din id-dar tinbidel f’mużew tal-istorja politika b’dawn l-oġġetti storiċi li jkunu jistgħu jitgawdew mill-poplu Malti kollu kif ukoll mit-turisti li jżuru pajjiżna.