Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson ċaħad li gideb lir-Reġina Eliżabetta dwar is-sospensjoni tal-Parlament meta qal li dawn l-allegazzjonijiet assolutament mhumiex veritieri.
Fi tmiem għadd ta’ argumenti interni fi ħdan il-Partit fil-Gvern, kienet il-Qorti li ddeċidiet li l-parir mogħti lir-Reġina kien wieħed illegali. Il-Gvern qed jappella minn din id-deċiżjoni, b’seduta mistennija tinstema’ l-ġimgħa d-dieħla.
Sadanittant, eks Kap taċ-Ċivil Ingliż akkuża lill-Gvern li la qed ikun onest u lanqas trasparenti meta jitkellem dwar l-impatt li No-Deal Brexit jista’ jħalli fuq il-pajjiż.
Lord Kerslake, li llum hu konsulent tal-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, qal li hemm bżonn li l-Gvern jippubblika dokumenti itwal u aktar dettaljati b’kif din id-deċiżjoni se taffettwa lir-Renju Unit.
Hu kompla li l-poplu għandu d-dritt ikun jaf l-istorja kollha għax rapport ta’ ħames paġni mhux biżżejjed, meta wieħed jaf li l-analiżi hi ħafna aktar dettaljata. Dan b’rabta mar-rapport ippubblikat l-Erbgħa wara li l-Oppożizzjoni waqqgħet mozzjoni tal-Gvern fil-House of Commons biex ir-rapport jibqa’ sigriet.
Ir-rapport wissa li No-Deal Brexit jista’ jwassal għal każi ta’ diżordni pubblika, kif ukoll żidiet sinifikanti fil-prezzijiet tal-enerġija u impatt negattiv fuq il-provvisti tal-mediċini u l-ikel.
//= $special ?>