Lokali

Chris Fearne jibqa’ jgħid li m’hemmx tiġrija

Minkejja li Joseph Muscat tenna ħafna drabi li se jkun qed iwarrab mit-tmexxija tal-Partit Laburista, u minkejja li issa hu ċar li rrankat sew il-ġirja biex timtela’ l-pożizzjoni tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej Laburista Chris Fearne jibqa’ jiċħad li hemm tiġrija għat-tmun.

Dan minkejja li diversi Kandidati – fosthom hu – għaddejjin b’ritmu sfrenat b’dik li għandha s-sinjali kollha ta’ kampanja, intiża biex timbuttahom għall-kariga ta’ Mexxej.

Fil-fatt, minbarra l-attivitajiet politiċi li qed jattendu għalihom, kemm Konrad Mizzi kif ukoll Ian Borg għandhom reġiment ta’ canvassers li qed jaħdmu onlajn biex jippromwovuhom. Xi ħaġa li mid-dehra darrset li xi wħud, hekk kif żewġ paġni partikolari fuq Facebook tniżżlu ftit jiem biss wara li tnedew.

Iżda kemm Mizzi kif ukoll Borg ilhom mhux ftit li bdew bit-tħejjija tagħhom għal din it-tiġrija, hekk kif it-tnejn li huma ħadu taħriġ apposta fl-atteġġjament u fid-diskorsi ħalli jtejbu ċ-ċansijiet tagħhom.

Skont il-ġurnal Times of Malta, stħarriġ intern tal-Partit Laburista jpoġġi propju lil Chris Fearne fil-‘pole position’, bl-MEP Laburista Miriam Dalli warajh. Isegwi l-Golden Boy ta’ Muscat, Konrad Mizzi, b’Ian Borg eżatt warajh, filwaqt li Robert Abela jidher ikaxkar lura.

Iżda sal-lum, u minkejja li l-Partit Laburista baqa’ ma ċaħadx la l-istħarriġ u wisq anqas ir-riżultati tiegħu, Chris Fearne jibqa’ jinsisti li m’hemmx tiġrija u li hu mhux interessat.