Lokali

Dawra bil-muturi b’messaġġ favur is-sigurta’ fit-toroq

Iż-żieda fl-inċidenti li qed jinvolvu sewwieqa ta’ muturi wasslet biex is-Sibt filgħaxija, numru kbir ta’ sewwieqa se jingħaqdu għal dawra bil-muturi b’messaġġ li jkun hemm iktar għarfien dwar is-sigurta’ fit-toroq u li r-regolamenti jkunu osservati.

Statistika ipprovduta mill-Pulizija turi li fl-aħħar tliet snin kien hemm żieda minn sena għall-oħra, b’21 persuna jitilfu ħajjithom.

Id-dawra hi organizzata minn 2 Wheels Foundation Malta, għaqda volontarja impenjata favur is-sigurta’ tas-sewwieqa tal-muturi.

Tkellimna mal-President tal-Fondazzjoni Tony Galea dwar l-iskop ta’ din id-dawra fl-isfond ta’ żieda fl-inċidenti dovuta għal ħafna fatturi differenti.

Akkumpanjat mis-Segretarju tal-Fondazzjoni Alan Leaney, Tony Galea qalilna li l-ewwel nies li jridu josservaw ir-regolamenti huma s-sewwieqa tal-muturi innifishom.  Dan ghaliex qed ikun hemm wisq każi ta’ sewwieqa li jkun għaddejjin b’veloċita’ żejda, isuqu b’helmet mhux maqful jew nuqqas ta’ lbies protettiv u jaqbżu karozzi fit-traffiku min-naħa ta’ ġewwa.

Min-naħa l-oħra hemm bżonn li sewwieqa ta’ karozzi u trakkijiet juru iktar attenzjoni fit-toroq, bl-iktar aġir perikoluż minn dawn is-sewwieqa hu l-użu tat-telefon ċellulari waqt is-sewqan, bdil ta’ direzzjoni għal għarrieda mingħajr sinjal, ħruġ ta’ diesel fit-toroq u materjal ieħor li jaqa’ mit-trakkijiet għal fuq it-triq minħabba li ma jkunx mgħotti sew.

Tony Galea qal ukoll li l-liċenzja tal-għaxar siegħat mhux biżżejjed biex wieħed jitgħallem il-ħiliet meħtieġa biex isuq mutur. Hu appella lil min jieħu dan il-kors biex ikompli jippratika l-ħiliet b’mod sigur  f’toroq sekondarji qabel imur bl-iscooter jew mutur fit-toroq traffikużi.C

Din hija t-tieni edizzjoni tal-Bike Awareness Ride. L-edizzjoni ta’ din is-sena se titlaq mill-Parkeġġ tal-Luxol is-Sibt fit-8p.m. bil-parteċipanti jibdew jinġabru fis-7.30p.m.