Edukazzjoni Lokali

“Ibni postu l-iskola” – Titkellem magħna omm tifel bl-ADHD

“Fl-aħħar sentejn, jekk mar tliet ġimgħat skola b’kollox”

Kliem Caroline Cassar – omm tifel bl-ADHD li b’qalb muġgħuha tkellmet ma’ Net News dwar kif binha qed isib ruħu iżolat mis-soċjetà minħabba li mhix preparata sew għal tfal li jispiċċaw vittmi minħabba din il-kundizzjoni.

It-tifel, li llum għandu 12-il sena, ilu dawn l-aħħar sentejn ma jattendi skola regolari, u ommu tinsab inkwetata ferma hekk kif, għal dan l-aħħar, tħalliet għal riħa f’din is-sitwazzjoni.

Fl-ewwel snin tal-iskola primarja, it-tifel kien jattendi regolarment u dejjem kellu s-sapport ta’ LSE, iżda fis-sitt sena bdew l-intoppi. Intoppi li wasslu biex it-tifel baqa’ ma marx skola regolari għal sentejn, u issa l-omm qed tibża li anke din is-sena, binha jispiċċa ma jmurx skola.

Hi stqarret ma’ In-Nazzjon li ilha tiġri f’ministeri u dipartimenti, bit-tama li tinstab soluzzjoni addattata għal binha, iżda sa issa tħalliet bla risposta.

Caroline qaltilna li t-tifel huwa mmonitarjat regolarment minn tabib u jieħu l-mediċina għall-kundizzjoni tiegħu, iżda bħal tfal oħra li għandhom din il-kundizzjoni, it-tifel jeħtieġlu wkoll sapport adegwat li jippreparah anke għall-ħajja barra mill-iskola.

Staqsejna lil Caroline x’beħsiebha tagħmel issa li l-iskola fadal biss ftit jiem biex tibda.  Hi qaltilna li tinsab determinata li fil-25 ta’ Settembru tieħu lit-tifel l-iskola fejn suppost li jattendi, u fejn hu postu.

L-istorja ta’ dan it-tifel ta’ 12-il sena mhijiex waħda uniku hekk kif f’pajjiżna hawn għadd ta’ tfal ta’ kull età li qed jispiċċaw mitfugħa ‘l barra minn dawk l-istituzzjoijiet li suppost jilqugħhom, jew saħansitra f’istituzzjonijiet li mhux addattati għalihom, bħal per eżempju fl-Isptar Monte Carmeli.

Dan hu riżltat dirett tan-nuqqas ta’ impenn u investiment mill-Gvern f’kull qasam tal-Edukazzjoni, inkluż is-settur tal-inklużjoni.