Lokali

Jiżdied flok jonqos in-numru ta’ immigranti fiċ-ċentri f’pajjiżna

Minkejja tentattivi varji ta’ Net News – bit-telefon u bl-email – biex inkellmu lill-Ministru tal-Intern, Michael Farrugia baqa’ jaħrab.

Net News ilu l-ġimgħat issa jipprova jikseb informazzjoni mingħand il-Ministru konċernat dwar is-sitwazzjoni reali tal-immigranti li qed jidħlu f’pajjiżna. Iżda hija evidenti, min-nuqqas ta’ tweġibiet kemm tal-Ministru, kif ukoll tal-assistenti tiegħu, li Michael Farrugia jinsab skomdu immens iwieġeb dwar dan.

Il-Ministru nnifsu ftit tal-jiem ilu kkonfrema hu stess dak li ilhom jissuspettaw ħafna…. jiġifieri li ntilef tista’ tgħid kull kontrol fis-sitwazzjoni tal-immiganti.

Minkejja l-wegħdiet tal-Gvern kull darba li jidħol xi grupp ta’ immigranti, li dawn se jiġu rilokati, iċ-ċentri ta’ detenzjoni miflok jonqsu n-nies minnhom qed jiżdiedu

Net News issa ilu l-ġimgħat jipprova jikseb informazzjoni mingħand Michael Farrugia dwar ir-rilokazzjoni tal-immigranti li daħlu din is-sena… aktar min 1,500 fi 8 xhur.

Iżda sa issa bqajna bla risposta.

Intant, mistoqsi għaliex dawn l-immigranti qed idumu aktar milli suppost fiċ-ċentri miftuħa, il-Ministru ta tweġiba misterjuza, li sa issa għadna qed nippruvaw nifhmu x’ried ifisser biha…

It-tweġiba tal-Ministru, tidher li ma tagħmel l-ebda sens. L-unika ħaġa li tagħmel hi li terġa tikkonferma, għal darboħra, li dawn il-persuni qed iqattgħu żmien ferm itwal milli suppost fiċ-ċentri ffullati ta’ pajjiżna. Xi ħaġa li kif rajna fl-aħħar jiem, twassal biss għal frustrazzjoni u rewwixti fost l-istess immigranti.

Nibqgħu nistennew u naraw, jekk il-Ministru Farrugia jsibx mument biex iwieġeb il-mistoqsijiet ta’ Net News.