Kwart mid-dħul kollu li l-UEFA ddaħħal mill-kompetizzjoni taċ-Champions League se jgħaddi għand it-32 parteċipant fil-fażi tal-gruppi.
Il-UEFA ppublikat iċ-ċifri ta’ dak li hu mistenni li ddaħħal mill-kompetizzjoni ta’ din is-sena, dħul globali ta’ 7.8 biljun ewro, li minnu kważi żewġ biljuni se jgħaddi għand il-klabbs. Għall-ħafna klabbs speċjalment mil-Lvant tal-Ewropa l-ammonti li jieħdu minn din il-kompetizzjoni u n-nofs tad-dħul totali tagħhom matul l-istaġun, u dan jikkonferma kemm hu vitali għal ħafna klabbs li jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni.
Ir-rebbieħ taċ-Champions League ta’ dan l-istaġun se jieħu 100 miljun ewro mill-UEFA. Dawn iċ-ċifri kienu publikati hekk kif bħalissa hemm ħafna taqlib u proposti fejn il-klabbs il-kbar iridu bidla fl-istruttura tal-kompetizzjoni, bid-diriġenti tal-UEFA jippruvaw jilħqu kompromess biex dan ma jsirx.
Il-klabbs il-kbar qed jinsistu li jkun hemm gruppi ta’ tmien timijiet biex kull tim ikun garantit li jilgħab mill-inqas 14-il logħba, kollha ta’ livell u ma’ timijiet ta’ fama.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena kull tim li wasal sal fażi tal-gruppi se jieħu minimu ta’ 17-il miljun ewro, bit-tim ta’ Real Madrid li jdaħħal madwar 750 miljun fis-sena, ikollu dħul garantit miċ-Champions League ta’ madwar 50 miljun ewro, irrispettivament mill-pjazzament finali tiegħu.
Minn ċifri publikati tal-istaġun li għadda, it-32 parteċipant għamlu qliegħ globali ta’ 663 miljun ewro, iżda minn dawn kien 17-il klabb li temmew l-istaġun bi qliegħ, filwaqt li l-15 l-oħra xorta waħda kellhom telf finanzjarju.
Mir-rapport maħruġ mill-UEFA kien konfermat li Ajax kienu fost sitt klabbs li għamlu qliegħ ta’ iktar minn 50 miljun, iżda dan l-iktar għall-bejgħ ta’ żewġ stillel tagħhom, Frankie de Jong lil Barcelona u Matthijs de Ligt li ngħaqad ma’ Juventus.
Mir-rapport tal-UEFA kien stabbilit ukoll li ż-żewġ klabbs ta’ manchester kienu l-iktar li nefqu flus fiċ-Champions League u fl-Europa League. Manchester City b’nefqa ta’ 953 miljun ewro kien l-iktar klabb li nefaq flus matul l-istaġun minn dawk li ħadu sehem fiċ-Champions League, filwaqt li Manchester United b’nefqa ta’ 683 miljun ewro kien l-iktar klabb li nefaq flus minn dawk li ħadu sehem fl-Europa League.