Lokali

L-anzjani qed jitħallew jistennew dwar kemm se tkun l-għajnuna kontra l-għoli tal-ħajja

Il-Gvern jidher li jrid jibqa’ jżomm il-karti moħbija dwar kemm l-anzjani se jgawdu mill-Budget għas-sena d-dieħla. Dan fid-dawl tat-tħassib minn ħafna għall-ispejjeż dejjem jiżdiedu fil-prezzijiet tal-prodotti ta’ kuljum.

Xahar bogħod mill-qari tal-Budget, In-Nazzjon staqsa lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjani, Anthony Agius Decelis, kemm se jkunu qed jieħdu l-anzjani ghall-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja. Madankollu, hu ma weġibx u nħeba biss wara tbissima u tweġiba xotta li l-anzjani se jmorru tajjeb f’dan il-Budget.

Għalkemm sena ilu, fil-qari tal-Budget għal din is-sena, il-Ministru tal-Finanzi u l-Prim Ministru Joseph Muscat kienu ftaħru li ma żdiedux taxxi ġodda, il-verità kienet xort’ohra.

Dan hekk kif, matul it-12-il xahar li għaddew, l-anzjani u dawk vulnerabbli batew minn għadd ta’ żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti ta’ kuljum – fosthom fil-prezz tal-ħalib, fil-prezz tal-ħobż u fil-prezz tal-gass, użat minn ħafna anzjani biex isaħħnu darhom fix-xhur kesħin tax-xitwa.

Anthony Agius Decelis qal li biex ikunu jafu kemm se jkunu ż-żidiet kontra l-għoli tal-ħajja, l-anzjani jridu jistennew ftit ieħor, minkejja li l-anzjani qed jibqgħu jħallsu ta’ kuljum għaż-żidiet fil-prezzijiet u bin-nuqqas ta’ tweġibiet mill-esponenti tal-Gvern ta’ Muscat, ma jistgħux jippjanaw għax-xhur li ġejjin.

Anzi, qed ikollhom jaraw kif iqanqċu biex jippruvaw ilaħħqu mal-ħajja u jwasslu sal-ahhar tax-xahar.