L-Awstraljani mill-ġdid fuq allert massimu minħabba l-bushfires li diġa’ infirxu sew fl-Istati ta’ Queensland u New South Wales. L-esperti qed jgħidu li dawn in-nirien, li huma karatteristika ta’ dan iż-żmien tas-sena fl-Awstralja, se jkunu aktar intensi mis-soltu.
Fl-aħħar sigħat, żewġ żgħażagħ ġew akkużati li qabdu wieħed mill-għexieren ta’ nirien ta’ dawn l-aħħar ġranet.
Fost dawk affetwati mill-bushfires kien hemm il-komunità ta’ Sunshine Coast. Mijiet ġew evakwati miż-żona, bil-pumpieri idumu jumejn sħaħ sakemm in-nar ġie kkontrollat.
Fi Queensland biss hemm madwar 70 bushfire li għadhom jaqbdu. Fi New South Wales hemm mal-50 każ ta’ nirien rappurtati, b’total ta’ 320 pumpier għadhom għaddejin b’ħidma bla waqfien.
Kollox qed jindika li l-akbar għadu kontra s-servizzi ta’ emerġenza se jkun ir-riħ. Dan hekk kif hemm biża’ li s-sitwazzjoni diġa’ problematika f’diversi żoni tista’ tkompli teskala.
Bla dubju li lanqas it-temperaturi mhux jgħinu f’din is-sitwazzjoni, bit-tbassir jindika li s-saħħa tax-xemx kellha tkompli tikkarga bejn il-Ġimgħa u s-Sibt.
//= $special ?>